Dalwaqt jasal żmien li fih ikollna naraw x’informazzjoni kellu Joseph Muscat u dwar iż-żmien meta sar jaf biha. Ikollna wkoll ngħarblu l-istqarrijiet kollha li huwa għamel tul l-aħħar tliet snin sabiex tiġi determinata l-kompliċità tiegħu f’delitti kriminali gravi ħafna.
Ftakru ftit fiż-żmien li fih Konrad Mizzi kien kostrett jammetti li huwa sid ta’ trust f’New Zealand. Din it-trust għaddiet għal fuq ismu fl-2013 iżda kienet inkixfet Daphne Caruana Galizia fl-2016.
Meta kienet ixxandret l-aħbar, Joseph Muscat kien iddefenda lil Konrad Mizzi u pprovdieh b’alibi. Kien stqarr li Konrad Mizzi kien qallu bl-eżistenza tat-trust fi New Zealand permezz ta’ “abbozz tad-dikjarazzjoni tal-ġid” li qal li kien tfassal qabel ġiet imxandra l-lista tal-ġid tal-Ministri.
Joseph Muscat kien stqarr li ġaladarba Konrad Mizzi ma kienx fittex li jaħbilu l-eżistenza ta’ din il-kumpannija u li kien bi ħsiebu jinforma lill-pubbliku dwarha li kieku l-aħbar ma kienitx feġġet minn qabel, allura Konrad Mizzi ma kellux għalxiex jiskuża ruħu.
Joseph Muscat kien ħalef għal Konrad Mizzi.
Iżda din l-istorja qatt ma kienet minn ewl id-dinja. Qatt ma kien tfassal “abbozz tad-dikjarazzjoni tal-ġid”, sakemm ma jkunx hemm xi accountant li jħejjiha biex tiġi mgħarbla qabel tkun ffirmata. Lill-prim ministru ma jintbagħtlux abbozz bil-lista tal-ġid tiegħek biex dan jgħarblu qabel tiġi ffirmata! Il-prim ministru huwa l-imgħallem u mhux qiegeħd hemm biex joqgħod jgħarbel jekk il-ġid kollu ġiex dikjarat jew le.
Hemm ukoll ħaġ’oħra. It-trust ta’ New Zealand kienet għaddiet f’isem Konrad Mizzi fl-2013. Iżda kien fl-2016 li Joseph Muscat suppost kien sar jaf biha u dan mil-lista tal-ġid ta’ dik is-sena stess. Ma jidhirx li din it-trust kienet issemmiet minn Konrad Mizzi fl-2014 jew fl-2015.
F’dan l-istadju m’għandniex għalfejn noqgħodu nintilfu f’argumenti biex naraw Konrad Mizzi huwiex korrott jew inkella baħnan prim. X’aktarx huwa korrott kif ukoll baħnan prim. Il-mistoqsija li jeħtieġ li ssir hi din: meta kien li Joseph Muscat sar jaf li Konrad Mizzi kien qed jigdeb u, jekk ittanta li jgħattilu, jfisser li pprovdieh b’alibi falz.
Ħaġa bħal din lil Joseph Muscat tagħmlu kompliċi. Dan ikun ifisser ukoll li fixkel il-kors tal-ġustizzja meta għatta l-ixtur ta’ kriminal.
U dan kien tliet snin ilu meta l-istorja kienet għadha biss fil-bidu tagħha.
Għadu sal-lum jilgħab man-nar.