Jekk hemm xi ħadd li jaf sew l-intriċċi kollha li seħħew u dwar min xaħħam lil min, dan hu Karl Cini.

Ftit qabel Marzu 2013 kien siefer lejn il-Panama u fl-uffiċċju ta’ Mossack Fonseca beda’ jwitti t-triq li kellhom igħaddu minnha l-imgħallmin korrotti tiegħu. Permezz tat-telefon, lil sħabu tal-Panama tahom struzzjonijiet dwar taħt isem min kellha tkun il-kumpannija sigrieta Egrant. Dwar il-kumpanniji sigrieti ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi, kien diġà kellimhom u kien ħoloq it-trusts ta’ New Zealand li kellhom jostru l-eżistenza ta’ dawn il-kumpanniji tal-Panama.

Fl-2013 in-Nexia BT ta’ Karl Cini fasslet ir-rapport li permezz tiegħu l-gvern kien ingħata parir dwar x’kwalità ta’ power station kellu jinxtara’. Sieħbu fin-negozju Brian Tonna (il-moħħ wara dan l-arranġament jinten bil-korruzzjoni) kien issorvelja il-ħruġ tal-offerti dwar il-power station il-ġdida u l-offerti li daħlu kien għarbilhom hu. Fil-frattemp, ra kif għamel biex jiżgura li tan-Nexia BT jinħatru bħala l-awdituri ta’ GEM Holdings, il-konsorzju li nħoloq bejn il-familji Fenech, Gasan u Apap Bologna.

Kien ukoll Karl Cini li, flimkien mal-klikka tal-Panama, għamel stħarriġ ma’ banek madwar id-dinja  biex jidentifika bank li kien ikun lest jiftaħ kontijiet għall-kumpanniji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Kien kiteb li dawn il-kontijiet kienu ser jirċievu $5,000 kuljum mill-kumpanniji 17 Black u MacBridge. Dan ifisser li għandu jkun jaf sid il-MacBridge min hu.

L-imġieba tiegħu f’din l-istorja ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin għandha tkun biżżejjed biex tqallgħu ikla ħabs għal żmien twil. Iżda dan jaf ukoll bid-dettalji tal-konfoffa kriminali li fih jinsabu mdaħħlin persuni li għandhom setgħa ħafna akbar milli għandu hu. Din hi l-istess konfoffa kriminali li għal ftit ma nkixfitx totalment minn ġurnalista li ġiet assassinata.

Karl Cini jaf bid-dettalji kollha. Hi ħaġa ta’ għajb tassew kbir li jista’ jkun hemm xi ħadd li dawn id-dettalji kollha jibqa’ jżommhom mistura hu u jara lil pajjiżu jitfarrak. Imġieba bħal din ma tkun xejn ħlief regħba mingħajr farka ndiema.

Jekk hemm xi ħadd li jista’ jkun wieħed mix-xhud prinċipali li jgawdi minn proklama tal-immunità biex ikun jista’ jinkixfu l-imħuħ wara dan id-delitt, dan ix-xi ħadd huwa Karl Cini.