Yorgen Fenech, il-persuna suspettata bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, inġabar b’arrest mill-awtoritajiet hekk kif ittanta li jaħrab minn Malta wara li ssemma’ bħala suspettat li kellu sehem fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-aħbar li ġie arrestat mill-awtoritajiet ġiet konfermata ftit ilu minn Matthew Caruana Galizia f’din it-tweet:
Ikkonfermat: Yorgen Fenech kien fuq dgħajsa u ttanta li jaħrab minn Malta. Dan huwa l-bniedem li kellu jgħaddi ħlasijiet fil-forma ta’ tixħim liċ-chief of staff ta’ Muscat. Bniedem li għadu chief of staff sal-lum. https://t.co/2sMbu6lzMO
— Matthew Caruana Galizia (@mcaruanagalizia) November 20, 2019
Yorgen Fenech huwa suspettat b’involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, liema delitt seħħ biex jitgħatta skandlu dwar tixħim b’rabta mal-għoti tal-kuntratt mill-gvern lill-konsorzju Electrogas. Yorgen Fenech huwa wieħed mis-sidien tal-konsorzju. Il-kumpannija 17 Black ta’ Yorgen Fenech kienet intrabtet li tħallas ħlasijiet fil-forma ta’ tixħim lill-kumpanniji sigrieti tal-Panama li s-sidien tagħhom huma l-assistent ta’ Joseph Muscat u wieħed mill-ministri tiegħu.
Minn dakinhar, tliet snin ilu, li Daphne Caruana Galizia kixfet l-aħbar li kienu ħolqu kumpanniji sigrieti fil-Panama, Joseph Muscat baqa’ jżomm lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fil-kariga li għandhom. Saħansitra sa nhar il-Ħadd li għadda, huwa kompla jiddefendi lil Keith Schembri wara li l-assistent tiegħu irrifjuta li jixhed fil-qorti f’kawża ta’ libell li kien għamel hu stess biex jirribatti l-akkużi li fl-2016 kien għamel Simon Busuttil fil-konfront tiegħu fis-sens li Keith Schembri huwa bniedem korrott. Keith Schembri ma riedx jixhed għax qal li jibża’ li seta’ jinkrimina ruħu.