Yorgen Fenech, sid il-kumpannija 17 Black, wieħed mis-sidien tal-konsorzju Electrogas u Kap tat-Tumas Fenech Group, huwa suspettat b’involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Yorgen Fenech ġie identifikat wara li l-ġimgħa li għaddiet ġie arrestat l-allegat “sensar” fil-konfoffa li kienet saret biex tinqatel il-ġurnalista li kienet kixfet l-iskema ta’ tixħim li kienu ftehmu dwarha Yorgen Fenech, iċ-chief of staff tal-prim ministru Keith Schembri u l-ministru responsabbli mill-enerġija Konrad Mizzi.
Il-kumpanniji ta’ Yorgen Fenech joperaw ukoll il-Portomaso Casino li fih Alfred Degiorgio, wieħed mill-mixlija fil-ġuri dwar il-qtil, jilgħab flejjes kbar u jirbaħ lura ammonti konsiderevoli tal-flejjes li jkun lagħab. Fuq dan biss, Alfred Degiorgio qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus maħmuġin.
Jingħad li, matul din is-sena, Yorgen Fenech għamel żmien barra minn Malta hekk kif komplew jiżdiedu s-suspetti li kellu x’jaqsam mad-delitt tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Meta, ftit qabel il-pubblikazzjoni tal-ktieb tagħna Murder on the Malta Express, Carlo Bonini, John Sweeney u jien, konna staqsejna lill-avukati ta’ Yorgen Fenech kienx hemm xi konklużjonijiet x’jinġibdu dwar ix-xorti tajba inspjegabbli li kellu Alfred Degiorgio fil-casino ta’ Yorgen Fenech waqt il-logħob tal-flus, dawn wieġbu li l-mistoqsija tagħna ma kienx ħaqqha li tiġi mwieġba.
Madankollu, matul dawn l-aħħar xhur, Yorgen Fenech ma kompliex fit-tmexxija tat-Tumas Fenech Group u floku daħal zijuh Ray Fenech.
Jien ninsab infurmat li tat-Tumas Group kellhom żjara minn rappreżentanti tal-Hilton International Group. Dawn iddiskutew il-ħsara li din l-istorja tista’ tikkaġuna lir-reputazzjoni tad-ditta Hilton. Tat-Tumas Group huma s-sidien tal-lukanda Hilton Malta. Jumejn ilu għamilt ukoll xi mistoqsijiet lill-Hilton International iżda s’issa għadni mingħajr tweġiba.
Dalgħodu Lovin Malta xandret l-aħbar li l-forzi armati nterċettaw dgħajsa Riva hu u ħierġa minn Malta li jingħada li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech. L-awtoritajiet għadhom ma kkonfermawx jekk Yorgen Fenech kienx abbord id-dgħajsa Gio u li pprova jaħrab. Madankollu jidher li hemm stakkament qawwi tal-pulizija fl-inħawi ta’ Portomaso.
Il-bieraħ il-prim ministru qal li kien se jerfa’ r-responsabbiltà personali – mingħajr riferenza lill-Kabinett tal-Ministri – għall-għoti tal-immunità mill-prosekuzzjoni lill-allegat “sensar” Melvyn Theuma biex b’hekk il-pulizija tkun tista’ jmexxi kontra l-moħħ wara d-delitt.
Melvyn Theuma imexxi servizz tal-white taxi. Il-white taxis huma awtorizzati li jwasslu klijenti lejn lukandi ta’ ħames stilel iżda ma jistgħux jiġbru l-passiġġieri minn dawn il-lukandi kemm il-darba x-xufier jew operatur ma jkollux ftehim biex jagħmel dan mal-lukanda. Huwa mifhum li Melvyn Theuma kellu l-awtorità li jinnegozja x-xogħol mal-Hilton Hotel.
Il-Pulizija ilha taf b’Melvyn Theuma sa minn April 2018 meta Ċensu Muscat, wieħed mill-mixlija bil-qtil ta’ Daphne, kien semmieħ bħala l-persuna li jaf l-identità ta’ min kien qabbad lilu u liż-żewġ allegati assassini l-oħrajn biex iwettqu d-delitt.
Jidher li Theuma kien ilu jistenna li jinġabar sa minn Diċembru 2017 meta l-aħwa Degiorgio u Ċensu Muscat ġew arrestati. Jingħad l-għada tal-arrest tagħhom fis-6 ta’ Diċembru, ddeċieda li jagħmel it-testment tiegħu.
Il-Pulizija jidher li ġabret lil Melvyn Theuma wara li xxandru rapporti fl-istampa, partikolarment fit-Times of Malta, li kienu identifikaw “negozjant” bħala wieħed mis-suspettati.
Dan in-negozjant huwa Yorgen Fenech. Dan huwa l-istess persuna li nkixef bħala sid is-17 Black, kumpannija sigrieta fid-Dubaj li dwarha kienet kitbet Daphne Caruana Galizia fi Frar 2017.
F’April 2018, ġurnalisti ta’ The Daphne Project kienu kitbu li 17 Black u kumpannija li ġġib l-isem Macbridge, li sidha għadu mhux magħruf, ftehmu li jħallsu miljuni kbar ta’ ewro lil Hearnville u lil Tillgate, kumpanniji sigrieti tal-Panama li s-sidien tagħhom huma Keith Schembri u Konrad Mizzi, liema kumpanniji kienu ssemmew għall-ewwel darba minn Daphne Caruana Galizia.
Qabel inqatlet Daphne Caruana Galizia kienet irċeviet mijiet ta’ eluf ta’ emails b’rabta mal-Electrogas.