L-isem ta’ Melvin Theuma ssemma’ aktar kmieni llum mill-Malta Today bħala l-allegat “sensar” tal-konfoffa li ngħaqdet biex tiġi assassinata Daphne Caruana Galizia.

Kif kitbet Caroline Muscat ftit sigħat wara, l-isem ta’ din il-persuna kien ilu jissemma’ minn xi ġurnalisti għal diversi ġimgħat. Bosta minna kienu jafu li, għal diversi xhur, wieħed mit-tliet irġiel mixlija bil-qtil, Ċensu Muscat, lill-Pulizija kien għaddielha informazzjoni dwar l-identità tas-“sensar”.

Bħalma jiġri f’kull xogħol ieħor, qabel wieħed jiddeċiedi li jxandar aħbar wieħed għandu dejjem iwieżen numru ta’ responsabbiltajiet differenti li, ħafna drabi, jkunu kuntrarji għal xulxin. Minn banda hemm ir-responsabbiltà u d-dmir li l-pubbliku jkun infurmat. Iżda mill-banda l-oħra, wieħed għandu wkoll ir-responsabbiltà li jara li ma jġibx ruħu b’mod li jippreġudika l-investigazzjonijiet u effettivament – u forsi mingħajr ma jrid – isir kompliċi ma’ dawk li jkunu jridu jaħarbu mill-ġustizzja u jgħadduha lixxa.

Meta nhar il-Ħamis Melvin Theuma nġabar mill-Pulizija, huwa ma ġiex arrestat minħabba akkuża ta’ qtil. Din kienet waħda mir-raġunijiet il-għala l-aħbar inżammet u ma xxandritx.

Kif forsi tistgħu timmaġinaw, il-mod li bih ġie maħsub, imfassal u mwettaq il-pjan bażiku li wassal għall-assassinju ilu magħruf mill-ġurnalisti. Dan ifisser ukoll li l-pjan kienu jafu biħ kemm l-investigaturi kif ukoll il-politiċi minn ferm qabel.

Il-politiċi kienu jafu li aħna l-ġurnalisti kellna f’idejna l-informazzjoni. Kienu jafu li, kemm il-darba l-informazzjoni kienet ser tibqa’ mistura minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-gvern, eventwalment kien ser ikun hemm min jikxef dan il-fatt u l-gvern kien jidher bħallikieku qed jiggarantixxi l-impunità għal min allegatament qatel. Din ukoll hi forma ta’ pressjoni li tassigura li xejn ma jdum mistur. Ħafna drabi l-preżenza tal-ġurnalisti f’pajjiż demokratiku u d-determinazzjoni u l-ħeġġa tagħhom biex isibu t-truf tinħass sewwa minn dawk li jaħsbu li għandhom is-setgħa li jostru dak li jkun jaqblilhom jostru.

Aħna l-ġurnalisti ninsabu mejtin biex nikxfu dak li diġà għandna f’idejna u mejtin ukoll biex insiru nafu aktar.

Iżda għalissa bi ħsiebni nillimita ruħi għal xi osservazzjonijiet.

L-ewwel, ma nistax ma nissuspettax li dan l-arrest kif ukoll l-istqarrija ta’ dalgħodu tal-prim ministru dwar il-possibilità li tingħata l-immunità mill-prosekuzzjoni lix-xhud jistgħu iservu biex jaljenawna mill-iskandli politiċi kbar li hemm bħalissa. Dak li qed jingħad jista’ jwassal lil wieħed biex jaħseb li ma teżisti ebda rabta bejn l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-iskandli tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Dan il-ħsieb għad jirriżulta li m’huwiex preċiż.

It-tieni, il-prim ministru llum “refa’ r-responsabbiltà” għal azzjoni politika waħda – jiġifieri dik li jirrakkomanda l-għoti ta’ maħfra – liema azzjoni jkun jixtieq jippreżentaha bħala waħda li tkun wasslet biex instab tarf tal-każ. Frott l-esperjenza, Joseph Muscat għandu l-ħila biex jaħseb sew minn qabel liema għandhom ikunu l-passi li jkun jeħtieġ li jieħu. Iżda ħażin nagħmlu jekk nassumu li għandu kontroll assolut fuq kollox. Joseph Muscat ma jistax jaqbad u jdabbar ras dawk fil-Kabinett li huma qrib tiegħu u fl-istess waqt jippretendi li ser ninsew li kien messu dabbrilhom rashom tliet snin ilu. F’dan l-istadju, jekk għandu jdabbar rasu xi ħadd, dan ix-xi ħadd m’huwa ħadd ħlief hu.

Jista’ jkun ukoll li Joseph Muscat ser jilgħab l-aħħar karta li għandu f’idejh. Jekk jirnexxielu jpinġi lilu nnifsu f’għajnejn in-nies bħala politiku mimli ħeġġa – skont il-ħsieb li jgħaddi minn moħħu – jista’ jkun f’pożizzjoni aħjar biex politikament jipprova jgħaddiha lixxa minkejja dak kollu li jista’ jirriżulta mill-investigazzjonijiet.

It-tielet, dalgħodu l-prim ministru ġie mistoqsi xi tkun ir-reazzjoni tiegħu kemm il-darba s-“sensar” isemmi wħud minn dawk li jaqgħu taħtu bħala l-imħuħ wara t-twettiq tad-delitt. Din il-mistoqsija sserraħ fuq l-inġenwinità li fuqha jiddependi l-prim ministru biex politikament jibqa’ jimraħ fil-wiċċ. Għal darb’oħra, anki fl-isfond ta’ konfoffa biex tiġi assassinata ġurnalista, nfittxu l-kenn ta’ dak li huwa ovvju minflok naħsbu b’moħħna.

Is-“sensar” li nġabar mill-Pulizija llum ser ikun f’pożizzjoni li jsemmi lill-persuna li ħallsitu u li ordnatlu jara li jitwettaq id-delitt.

Bis-saħħa ta’ dan, tkun tista’ tinstab tarf id-dinamika tal-assassinju: dwar min kellem lil min, dwar min ħallas lil min u dwar min qatilha.

Iżda jeħtieġ li niftakru li meta nkunu fhimna d-dinamika ta’ assassinju ma jfissirx ukoll li nkunu sibna tarf tal-forensika.

Jista’ jagħti l-każ li, ġaladarba antiċipa dak li huwa mistenni minnu, l-prim ministru issa ma jistax ikompli jaħrab it-tweġiba għall-mistoqsija dwar l-identità tal-persuna li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Iżda l-prim ministru din l-antiċipazzjoni għamilha bil-għan li ma tinbitx mistoqsija oħra bħalma hi: għaliex inqatlet Daphne Caruana Galizia? X’aktarx li Melvin Theuma m’għandux l-iċken idea għaliex inqatlet.

U huwa proprju hawn fejn għandhom jidħlu l-ġurnalisti: dawn jeħtieġ li jistaqsu x’kienu x-xtur li kellhom jitgħattew bis-saħħa tal-assassinju. Aħna l-ġurnalisti ma nistgħux inserrħu fuq il-forensika, fuq l-ilsien persważiv tal-prosekuturi u fuq l-ispettaklu ta’ novella dwar delitti kriminali – moħħna inkunu rridu nħaddmuh aħna stess.

Assassinju huwa qtil politiku. U hekk kif jinstab tarf tal-kwistjonijiet forensiċi, jeħtieġ li jsir ġudizzju politiku. U ħadd ħlief il-ġurnalisti ma jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol.

Se tkun ix-xewqa ta’ Joseph Muscat li dan il-ġudizzju jibqa’ ma jsirx għaliex fuq dan il-ġudizzju ser jiddependi l-futur politiku tiegħu.