X’ser jiġri issa? Joseph Muscat ħejja din it-transizzjoni għaliex iħoss li għadu ma vvendikax ruħu biżżejjed. Moħħ Joseph Muscat tant hu żgħir li, kieku kien għalih, ma kellux għal xiex iwarrab. Tant hu mimli bih innifsu u bl-għerf tiegħu li jippretendi li kien jistħoqqlu sehmu mix-xaħam tal-korruzzjoni tiegħu.
U għadu jwaħħal f’Daphne Caruana Galizia li ilu ffissat fiha minn dakinhar li ħa r-riedni meta l-ewwel mistoqsija li għamel lill-kap tal-pulizija kienet “tal-Bidnija orrajt?”
Minn dakinhar li ġiet assassinata, l-ossessjoni li kellu dwarha nfirxet għal fuq il-familja tagħha u għal fuq dawk li baqgħu jipprotestaw fit-toroq li, f’moħħu, baqgħu jippersonifikawha. Għandu raġun fuq kwistjoni waħda. Li kieku ma nġibdux dawk ir-ritratti kollha ta’ nies jipprotestaw fit-toroq, ma kienx ikollu fuqu l-pressjoni kollha li kellu mill-kabinett u kif ukoll mill-gvernijiet Ewropej. Pressjoni li taħtha fl-aħħar kellu jċedi.
Il-mibgħeda lejn dawk li qed jipprotestaw fit-toroq u lejn is-soċjetà ċivili wieħed seta’ jintebaħ biha meta Robert Abela stqarr li l-protesti jammontaw għal “provokazzjoni”. Ir-reazzjoni għal din il-provokazzjoni issa tinsab wara l-bieb. Qabblu dan id-diskors mal-impenn li għamel Chris Fearne li lil tas-soċjetà ċivili se jkun lest li jiltaqa’ magħhom matul l-ewwel ġimgħa li jkun fis-setgħa bħala prim ministru biex magħhom jiddiskuti t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt. Dan id-diskors ma niżel ħelu xejn ma’ wħud mid-delegati tal-Labour. Lil tas-soċjetà ċivili jippreferu jarawhom b’nifishom maqtugħ taħt xita ta’ gass tad-dmugħ milli telgħin it-taraġ ta’ Kastilja “tagħhom”.
Joseph Muscat mhux gass u lembubi għandu lesti għalina. Għalina għandu lesta l-vendetta.
Joseph Muscat isserva bl-ugwaljanza fiż-żwieġ biex ikisser lill-PN u issa se jipprova jisserva bl-abort biex ikisser lil tas-soċjetà ċivili li tant opponewh bl-aħrax.
Din hi arma b’saħħitha. L-abort huwa suġġett li jqanqal l-emozzjonijiet u li jġib il-firda. Għal dawk li huma kontra l-abort, m’hemmx lok għall-kompromessi. Dawn ma jistgħu jaċċettaw ebda tibdil fil-liġijiet stretti li għandu l-pajjiż bħalissa kontra l-abort. U għaldaqstant irid idaħħal dan id-dibattitu dwar l-abort bil-għan li jifred lill-avversarji tiegħu.
X’jista’ jirbaħ b’dan Joseph Muscat? Issa ilu jokkupa l-kariga ta’ prim ministru għal 6 snin u, li kieku ried, kellu s-setgħa li jdaħħal l-abort. Allura x’kien li issa jrid idaħħal l-abort wara t-tluq tiegħu mir-riedni tas-setgħa? Hu dejjem kien jiġi jaqa’ u jqum minn dak kollu li ma jqallaħx il-flus u fil-fatt mid-drittjiet tan-nisa ma jinteressawh xejn. Din tal-abort daħħalha apposta biex joħloq id-disgwid fost l-avversarji tiegħu.
Fil-frattemp, qal ukoll li jixtieq “jaħdem fl-isport u biex igħin lill-atleti Maltin jipprattikaw l-isport barra minn Malta”. Min jaf għadx jieħu r-riedni ta’ xi klabb tal-futbol fl-Italja? M’għandniex xi ngħidu, opportunitajiet għall-korruzzjoni f’dak il-pajjiż ma jeżistux.
Robert Abela kien l-għażla ta’ Joseph Muscat għaliex Robert Abela m’hux ser jiddejjaq jitpinġa bħala l-magħżul. Il-prim ministru l-ġdid ser ikollu min joħloq id-disgwid għall-avversarji tiegħu. Ma kienx ikollu għalfejn jistqarr dak li spiċċa stqarr Chris Fearne: li b’mod permanenti l-Partit Laburista ser jibqa’ l-uniku gvern vijabbli f’Malta.
B’hekk waqt li l-oppożizzjoni tispiċċa tinfired dwar is-suġġett tal-abort, il-korruzzjoni tkun tista’ tkompli tikkarga.
Joseph Muscat ikkalkula li Chris Fearne dan kienx jippermettieh. U m’hemm ħadd li jaf aħjar minn Joseph Muscat kif it-tmexxija tal-Partit Laburista tagħtik is-setgħa li ġġiegħel lill-partitarji u lill-membri joqgħodu għal dak li tixtieq int.
Robert Abela dan jafu wkoll. Kif jaf ukoll missier Robert Abela, George li kien id-deputat mexxej tal-Partit Laburista fiż-żmien meta Alfred Sant kien prim ministru. Fl-1998 waqt il-konferenza ġenerali tal-Labour, George Abela tkellem kontra t-tnedija ta’ elezzjoni bikrija u l-udjenza ċapċpitlu fuq li ċapċpitlu.
Meta mbagħad tkellem il-mexxej Alfred Sant, dan tkellem favur li ssir elezzjoni bikrija. Lil Sant ukoll ċapċpulu bil-kbir.
Din ix-xena kienet fakkret lil uħud fil-kapitlu f’Animal Farm li fih Snowball tkellem u n-ngħaġ kollha tawh l-appoġġ. Iżda dawn taw ukoll appoġġ kbir lil Napoleon meta dan tkellem kontra dak li kien stqarr Snowball.
Kienu dawk in-ngħaġ li għamlu l-għażla tal-prim ministru għalina. U proprju aħna li qisna ħrief fi triqitna għall-qatla.