Il-Qorti mhux biss iddikjarat li fil-15 ta’ Settembru 2018, Owen Bonnici kien kiser id-drittijiet fundamentali tiegħi. Huwa nstab ukoll ħati talli kiser id-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-kelma ta’ wlied, ħut u l-ġenituri ta’ Daphne u ta’ dawk li pprotestaw fi gruppi jew bħala individwi kull darba li dawn kienu jidħlu l-Belt Valletta biex iqiegħdu fjuri, xemgħat jew messaġġi mal-mafkar u kull darba li dawn tneħħew fuq ordni tiegħu. Ġie kundannat talli kuljum – għal 500 jum sħaħ – kiser id-drittijiet fundamentali ta’ dawn in-nies bis-saħħa tal-ordnijiet illegali tiegħu.
Owen Bonnici saħansitra għamel agħar minn dak li kien għamel Vladimir Putin li, wara xi 130 darba, kien qata’ qalbu milli jkompli jwarrab fjuri u xemgħat minn mal-mafkar ta’ Boris Nemtsov f’Moska.
Kien hu li baqa’ jisfida l-appelli li saru minn numru ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, minn ġurnalisti minn madwar id-dinja, minn kittieba, minn attivisti u minn membri tal-Parlament Ewropew. U dan biex ma nsemmux minn dawk li baqgħu jippersistu fil-protesti nnifishom waqt li hu baqa’ jinsisti bl-abbużi sfaċċati tiegħu.
Fi kliem il-Qorti, Owen Bonnici ġab ruħu b’mod “assurd”, nħakem mill-“pika” u mafkar bidlu “fi strument ta’ firda”.
Dan il-kliem tal-Qorti fihom x’wieħed jomgħod għaliex bil-ksur uffiċjali tad-drittijiet fundamentali minn naħa ta’ Owen Bonnici huwa ta eżempju ħażin lil dawk iċ-ċittadini privati li ħassew li ma kienu qed jagħmlu xejn ħażin meta huma stess ivvandalizzaw u neħħew it-tifkiriet minn mal-mafkar, meta nsultaw u hebbew għal dawk li kienu qed jipprotestaw u, fil-każ ta’ marti, meta refgħu idejhom fuqha fid-dawl tax-xemx fi triq mimlija nies.
Owen Bonnici għamel dan kollu fiż-żmien meta hu kien ministru tal-ġustizzja. Hu kien fid-dmir li jħares id-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd u għamel l-oppost.
Issa għandu l-kariga ta’ ministru tal-edukazzjoni u jinsab fid-dmir li jara li l-ġenerazzjonijiet li telgħin ikunu ċittadini responsabbli li jafu d-drittijiet tagħhom f’hiex jikkonsistu u li jkunu lesti li jħarsuhom b’kull mod.
Il-pożizzjoni ta’ Owen Bonnici bħala ministru tal-gvern m’għadhiex waħda tenibbli. Jinsab fid-dmir li jwarrab u, f’każ li jibqa’ ma jwarrabx, il-prim ministru Robert Abela għandu jwarrbu.
Is-sentenza li tat il-Qorti llum għandha sservi ta’ lezzjoni għal Robert Abela wkoll. Sal-bieraħ il-prim ministru kompla juri l-istmerrija tiegħu għad-dritt li wieħed jipprotesta fi żminijiet u f’postijiet li jagħżel kull min ikun mixtieq li jipprotesta.
Is-sentenza tal-lum tal-Qorti m’hi xejn ħlief lezzjoni fid-demokrazija li tefgħet dawl fuq prinċipju li huwa l-oppost ta’ dak li jaħseb li hu Robert Abela. J’Alla jitgħallem mil-lezzjoni li tatu l-Qorti llum.