Xandart din l-istqarrija wara li segwejt il-kummenti li ta Owen Bonnici lill-ġurnalisti. Dan il-link iwassalkom għar-rapport tat-Times of Malta.
Illum Owen Bonnici kellem lill-ġurnalisti u qalilhom li l-imġieba tiegħu “kienet waħda li hi skont il-liġi” fejn għandu x’jaqsam is-sit tal-protesta quddiem il-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta. Hu qal dan fil-kuntest tal-fatt li l-Qorti rrakkomandat li dawk li qed jipprotestaw għandhom joqgħodu attenti li ma jagħmlux ħsara lill-mafkar u li, meta kienet inbdiet il-kawża għall-ewwel darba, l-Qorti ma kienitx aċċettat it-talba tiegħi għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni sabiex il-gvern jinżamm milli jkompli jneħħi l-fjuri u x-xemgħat sakemm tinqata’ l-kawża dwar jekk l-imġieba ta’ Owen Bonnici kienitx waħda illegali jew le.
Owen Bonnici naqas li jsemmi l-qofol tas-sentenza tal-Qorti. Il-Qorti qalet li Owen Bonnici personalment kiser id-dritt fundamentali tal-libertà tal-kelma. Kemm id-drittijiet tiegħi kif ukoll dawk ta’ kull persuna li għażlet li tipprotesta, inklużi l-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-imġieba tiegħu ċertament ma kienitx skont il-liġi. Fil-fatt il-liġi kisirha. Seta’ ħaseb li l-imġieba tiegħu kienet waħda “għall-ġid”, kif stqarr mal-ġurnalisti llum. Iżda l-Qorti l-bieraħ qaltlu li l-aġir tiegħu kien illegali u li kien qed jiżra l-firda fost il-poplu.
Meta Owen Bonnici llum stqarr li kien ordna li jitneħħew il-fjuri u x-xemgħat kuljum minn mal-mafkar biex “iġib l-għaqda fil-pajjiż”, wera’ d-disprezz sħiħ tiegħu lejn il-liġijiet u lejn id-drittijiet tal-bniedem. U wera’ wkoll id-disprezz tiegħu lejn is-sentenza tal-Qorti li ngħatat il-bieraħ li tgħid eżatt bil-kontra ta’ dak li stqarr hu.
L-iskuża ta’ Owen Bonnici (li tlissnet il-bieraħ minn Robert Abela) li s-sentenza tal-Qorti hi prova li “l-istituzzjonijiet qiegħdin jaħdmu kif suppost”, m’hix aċċettabbli. Għamel bħal dak il-ħalliel li jgħidlek li ma jkun ġara’ xejn jekk jisirqek għax dejjem hemm il-qrati li jistgħu jsibuh ħati.
Hawn m’aħniex nittrattaw dwar gvern li jsegwi l-liġijiet iżda dwar qorti li ddikjarat li Owen Bonnici kien kisirhom. Hawn qed nittrattaw dwar il-fatt li Owen Bonnici ma messux kiser id-drittijiet fundamentali tagħna meta kien jaf x’tipprovdi l-liġi dwar il-libertà tal-kelma u wara li kien ingħata pariri fuq pariri mill-ewroparlamentari, mill-Kunsill tal-Ewropa, mill-ġurnalisti, mill-għaqdiet tal-libertà tal-kelma u minn dawk li kienu qed jipprotestaw li kien qed jikser il-liġi.
Madankollu, huwa xorta waħda baqa’ jippersisti li, bil-barka tal-kabinett, jibqa’ joħnoq id-drittijiet tagħna.
Hemm xi ħaġa pjuttost stramba f’dak li stqarr il-bieraħ Robert Abela dwar id-deċiżjoni tiegħu li jara li l-protesti tagħna ma jibqgħux jiġu maħnuqa. Huwa qal li “kien xamm bil-quddiem kif kienet ser tinqata’ l-kawża”. Kif seta’ kien jaf kien kienet ser tinqata’ s-sentenza mill-imħallef? Tgħid kien hemm xi ħadd mill-uffiċċju tal-imħallef li kien għadda informazzjoni lill-prim ministru? Jew inkella Robert Abela kien jaf mill-bidu nett li l-gvern ma kellux tama li jirbaħ il-kawża għaliex kien jaf li, bl-imġieba tiegħu, Owen Bonnici kien qed jikser il-liġi? Allura jekk dan kien il-ħsieb tiegħu u li kien basar li aħna konna ser nirbħu l-kawża, x’inhi r-raġuni li lil Owen Bonnici baqa’ ma keċċieħx?
Is-sentenza tal-qorti tal-bieraħ dwar id-drittijiet tal-bniedem ma kienitx waħda minn tas-soltu li fiha individwu jirnexxielu jipperswadi lill-qorti li xi liġi tal-pajjiż tkun qed tikser id-drittijiet tal-bniedem jew għaliex xi uffiċjal tal-gvern ikun ħaddem il-liġijiet b’mod inġust u bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
F’dan il-każ, il-qorti għarblet id-deċiżjoni ta’ Owen Bonnici li permezz tagħha applika d-diskrezzjoni tiegħu u ordna lill-ħaddiema li jaqgħu taħtu biex kuljum ineħħu u jarmu fjuri u xemgħat imqiegħdin mal-mafkar minn dawk li kienu qed jipprotestaw.
Owen Bonnici kien qal li din id-deċiżjoni kienet waħda “kolleġġjali” tal-kabinett. Madankollu, dan ma jfissirx li d-deċiżjoni kienet waħda legali jew skużabbli. Kif tgħallimna mill-ġurijiet ta’ Nuremberg, ordnijiet maħruġin mis-superjuri mhumiex skużabbli jekk dawn jiksru l-liġi. Fi kwalunkwe każ, fil-qorti Owen Bonnici assuma r-responsabbiltà għal dawn id-deċiżjonijiet u saħansitra kien hemm xhieda li xehdu li dawn l-ordnijiet kienu ġew direttament mingħandu.
Ma jistax igħid li kien deherlu li d-deċiżjoni li ħa kienet waħda għall-ġid u fl-istess nifs ifarfar ir-responsabbiltà bl-iskuża li kien qed jaġixxi fuq ordnijiet tal-kabinett.
Din hi raġuni oħra il-għala Owen Bonnici għandu jwarrab. Waqt li għadu fil-kariga jista’ jibqa’ jagħmel tabirruħu li ġab ruħu sewwa u li għalhekk m’għandux ibati konsegwenzi. Hu u jlissen diskors bħal dan, x’aktarx għad jirrepetu ruħħom l-illegalitajiet li kien ordna hu. Jekk il-gvern jidhirlu li Owen Bonnici ma kien għamel xejn ħażin meta ċċensura b’mod goff il-protesti tagħna, hu minn ewl id-dinja li l-gvern jemmen li jista’ jaqbad u jiċċensura b’mod goff kull protesta li ma jkunx jaqbel magħha.
Matul l-ewwel ġimgħa tiegħu bħala prim ministru, Robert Abela qal li l-governanza tajba kien bi ħsiebu jagħtiha prijorità u reġġa’ lura deċiżjonijiet li kien ħa malli “ntebaħ” li ma kienx leħaq il-livelli mixtieqa ta’ governanza. Jew għallinqas b’dan il-mod espriema ruħu. Fil-fatt, huwa għamel gabirjola dwar il-ħatra ta’ Konrad Mizzi meta saħansitra sħabu stess spiċċaw biex għamlulu plejtu sħiħ.
Robert Abela ddeċieda li jżomm f’postu ministru li ġie umiljat mill-Qorti Kostituzzjonali. L-imġieba ta’ dan il-ministru ssejħet mill-qorti bħala waħda “surreali”, “divisiva”, “pikuża” u “assurda” u waħda li kienet tikser id-dritt fundamentali tal-libertà tal-kelma.
Owen Bonnici issa qed igħidilna li m’għandniex għalfejn noqgħodu ninkwietaw għaliex l-istituzzjonijiet indipendenti għandhom id-dritt li juruh fejn ikun żbalja. U madankollu, meta dawn l-istituzzjonijiet juruh bl-iżbalji li jkun wettaq, huwa jibqa’ jinsisti li ma kienx żbalja.
Owen Bonnici għandu jwarrab.