Stqarrija ta’ Repubblika
IR-REAZZJONI TA’ REPUBBLIKA GĦALL-KUMITAT DWAR IL-GOVERNANZA LI WAQQAF IL-GVERN
Repubblika jidhrilha kien ikun ħafna aħjar li kieku l-Gvern waqqaf ‘kumitat dwar il-governanza tajba’ aktar milli dwar il-governanza biss.
Fl-aħħar snin kellna governanza. Kienet governanza dgħajfa mal-kriminali, abbużiva mal-istampa ħielsa u mas-soċjetà ċivili, partiġġjana u mnawwra bil-korruzzjoni. Kellna governanza mifnija b’kunflitti t’interess fejn persuni appuntanti bħala “persons of trust” użaw il-poter li ngħataw għall-qliegħ personali tagħhom. Din kollha hi governanza, imma din hi governanza ħażina.
Ninnotaw ukoll li l-Gvern appunta irġiel biss daqs li kieku m’hemm ebda mara li jista’ jkollha xi tgħid dwar il-governanza tajba.
Jidhrilna li huwa nuqqas gravi li il-Gvern mhux qed igħid li dan il-kumitat ser jisma’ lill-bqija tas-soċjetà Maltija, inkluż lis-soċjetà ċivili, esperti u akkademiċi, l-Oppożizzjoni u oħrajn.
Il-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat ma tawgurax tajjeb.
Mario Cutajar, kap taċ-ċivil, li pubblikament dan l-aħħar iddefenda miżuri ta’ governanza ħażina fejn is-servizz pubbliku permanenti maħtur fuq il-mertu skond il-kostituzzjoni hu mgħaffeġ taħt armata ta’ xi 700 impjegat każwali maħtura direttament purament għax huma Laburisti ta’ fiduċja. Il-Kunsill tal-Ewropa ikkundanna bl-aktar mod espliċitu dan l-abbuż sistematiku tal-istituzzjoni taċ-ċivil (li suppost ma jkunx partiġġjan) u Mario Cutajar ħadem biex il-pariri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar governanza tajba jiġu injorati.
Owen Bonnici li għal aktar minn sena kaxkar saqajh fuq riformi istituzzjonali li talab il-Kunsill tal-Ewropa meta dawn ir-riformi kienu fir-responsabbiltà tiegħu. F’wieħed mill-agħar episodji ta’ governanza ħażina fl-istorja tagħna Owen Bonnici ta struzzjonijiet lill-avukat ġenerali (li f’materji kriminali skond il-kostituzzjoni ma jirrapporta lil ħadd) għax qallu li hu l-avukat personali ta’ persuni suġġetti ta’ inkjesta kriminali. Dan fl-istess ħin li kien qed iservi ta’ ministru tal-ġustizzja.
Barra minhekk għal fuq sentejn Owen Bonnici iċċensura protesta leġittima fi Pjazza l-Assedju l-Kbir, liema ċensura jidher li se tieqaf issa li m’għadux il-ministru responsabbli mit-tindif.
Owen Bonnici iddefenda d-diskors abbużiv t’uffiċjali tal-gvern, prominenti fosthom Jason Micallef, meta waqt li kienu jirrapportaw lilu użaw il-poter tal-istat biex jheddu u jintimidaw lis-soċjetà ċivili. B’hekk allura Owen Bonnici għamel tiegħu it-theddid u l-intimidazzjoni li wettqu. Owen Bonnici konsistentement għaffeġ id-diskors pubbliku billi rrapreżenta ħażin it-tifsir ta’ kunċetti bħal “saltna tad-dritt” u “libertà tal-espressjoni” li f’fommu kienu ġustifikazzjoni għal abbuż sistematiku mill-istat.
Edward Zammit Lewis meta kien ministru tat-turiżmu ta sponsorship ta’ €1 miljun lill-Vistajet biex tirreklama lil Malta fuq l-ajruplani tagħha minkejja li din il-kumpanija ma ġġorx turisti u sservi ta’ taxi għall-biljunarji. Ir-raġuni vera ta’ dan l-infieq bla ġustifikazzjoni qatt ma ngħatat. U qatt ma kien spjegat għalfejn dan il-€1 miljun tħallas ġimgħa wara li ajurplan tal-Vistajet tar vojt lejn l-Ażerbajġan u wara lejn Dubai siegħat wara li Ali Sadr Hasheminejad deher jaħrab mill-bank tiegħu Pilatus b’bagalji magħluqa possibbilment bi provi ta’ atti kriminali li wasslu biex il-Bank Ċentrali Ewropew jagħlaq il-bank. Dak ukoll kien episodju atroċi ta’ governanza ħażina.
Dawn il-persuni kollha baqgħu ħalqhom magħluq meta ministru tal-Gvern u l-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru nqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama u meta mitluba taw vot ta’ fiduċja fihom, saħansitra wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech u l-informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għalhekk nirrakomandaw li dawn il-persuni l-ewwel jitħarrġu fil-governanza tajba.