Illum il-Qorti Kostituzzjonali xliet lil Owen Bonnici bl-użu tal-mafkar tal-Assedju l-Kbir bħala “strument ta’ firda”. Din ix-xilja għandha tifsira kbira u jeħtieġ li nitkellmu dwarha.
Meta kien qed jippreżenta d-difiża tiegħu, Owen Bonnici qal li l-mafkar kien jeħtieġ ir-restawr u t-tindif kuljum sforz l-allegata ħsara li kienet qed issirlu minħabba l-protesti tagħna. Il-Qorti qalet li dawn l-“iskużi” ma setgħetx temminhom u qalet li Owen Bonnici kien ħareġ l-ordnijiet biex joħnoq il-libertà tal-kelma ta’ dawk li kienu qed jipprotestaw.
Kienu wkoll ħarġu b’argument ieħor. Jeħtieġ li niftakru li l-eks deputat mexxej tal-Partit Laburista Joe Brincat kien intervjena fil-kawża u kien stqarr li l-ġibda emozzjonali li hu – fost ħafna oħrajn – għandu għall-mafkar tfisser li l-protesti qed inaqqsulu mid-dritt tiegħu li jgawdi l-mafkar.
Il-Qorti daħlet fil-kwistjoni dwar it-tifsira vera tal-mafkar u qalet li l-mafkar huwa ġieħ lill-poplu Malti li għex f”kull żmien.
Il-Qorti għarfet ukoll id-dritt ta’ dawk li qed jitolbu u jinsistu li ssir ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia — vittma Maltija taċ-ċirkostanzi u ta’ dawk li qatluha — u d-dritt li jipprotestaw permezz tat-tqegħid ta’ tifkiriet madwar il-mafkar, liema mafkar ifakkar vittmi Maltin oħrajn taċ-ċirkostanzi li ngħataw ġieħ għall-qlubija tagħhom, għall-fidi tagħhom u għall-imħabba li kellhom lejn pajjiżhom.
B’ċerta emfasi, l-Qorti stqarret ukoll li l-użu tat-tifsira tal-mafkar bħala skuża biex jinħonqu l-protesti huwa abbuż u fih innifsu jammonta għal bdil ta’ simbolu ta’ għaqda nazzjonali fi strument ta’ firda.
Din l-istqarrija hi lezzjoni għal dawk li jidhrilhom li m’għandniex nibqgħu nipprotestaw biex b’hekk nikkonservaw l-għaqda ta’ bejnietna. Il-Qorti kienet ċara meta qalet li ma kienux dawk li qed jipprotestaw li ħolqu l-firda bil-protesti tagħhom. Iżda kien Owen Bonnici stess li kien qed joħloq il-firda kull darba li pprova joħnoq il-protesti.
Din is-sentenza tal-lum tat dimensjoni mportanti oħra lill-argument. Huwa gvern biss (jew, f’dan il-każ, ministru tal-gvern) li jista’ jinstab ħati li kiser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Dawn huma drittijiet li jappartjenu lill-bniedem u l-istat biss jista’ jiċħadhomlu.
Għaldaqstant meta ċittadin li jiddikjara li hu “Laburist” imur biex ineħħi u jarmi t-tifkiriet ta’ protesta minn mal-mafkar jew inkella jerfa’ jdejh fuq min ikun qed jipprotesta, dan jista’ jkun qed jikser il-liġijiet dwar l-ordni pubbliku jew dwar il-vjolenza fiżika, iżda ebda individwu ma jista’ jinstab ħati li kiser id-drittijiet fundamentali ta’ ħaddieħor.
Madankollu jeżisti dmir minn naħa tal-istat li jmur lil hinn mill-ksur tad-drittijiet. L-istat huwa fid-dmir li jħares id-drittijiet u għandu jġib ruħu b’mod li ma jagħtix eżempju ħażin li jasal biex iħajjar u li jikkonvinċi liċ-ċittadini tiegħu li jkunu qed jagħmlu ħaġa sewwa jekk jagħmlu bħal ma għamel il-gvern bil-lejl għal 500 jum u jivvandalizzaw is-sit tal-protesta.
U hu appuntu l-eżempju ħażin ta’ Owen Bonnici li ta lok għall-firda li tkellmet dwarha l-Qorti. Aħna pajjiż mifrud tort tal-aġir tal-ministru u tort tal-gvern li minnu jagħmel parti.
Agħtu daqqa t’għajn lejn il-mod kif tal-One TV irrappurtaw is-sentenza li ngħatat illum. Aqraw it-titlu. Ma nagħtix tort lil dawk li jsegwu biss lil One TV jekk jikkonkludu li llum il-Qorti qatgħet is-sentenza tagħha kontra tiegħi u li bis-saħħa t’hekk jitħajjru li jkomplu jneħħu t-tifkiriet ta’ protesta minn mal-mafkar. Għaliex skont ir-rapport tal-One TV, il-Qorti ornatilna biex ma nibqgħux nipprotestaw mal-mafkar tal-Assedju l-Kbir.
Qraw biċċa żgħira mis-sentenza u qatgħu barra s-sens kollu biex b’hekk lis-semmiegħa u lit-telespettaturi tagħhom għaddewlhom impressjoni żbaljata ta’ dak li fil-fatt qalet il-Qorti. Din ma kienet xejn ħlief gidba maħluqa mill-istat permezz tal-aġent tal-istat One TV.
Din il-gidba — bħall-gideb li kien lissen Owen Bonnici meta qal li l-mafkar kien jeħtieġ ir-restawr u t-tindif kuljum minħabba l-protesti li kienu qed isiru — hi l-istess waħda li l-Qorti sejjħitilha bħala “skuża” biex mafkar li jissimbolizza l-għaqda nazzjonali jinbidel f'”strument ta’ firda”.
Hawn għandna raġuni oħra il-għala l-istazzjonijiet tal-televiżjoni tal-partiti għandhom jitwarrbu.
Iżda dak li l-aktar li għandu jitwarrab huwa l-gideb sfaċċat ħiereġ minn fomm il-politiċi u l-manipulazzjoni tas-segwaċi tal-partiti mill-“allat” politiċi tagħhom li jġiegħeluhom iġibu ruħhom bħala aġenti tal-istat li joħnoq id-drittijiet fundamentali tal-avversarji b’mod sistematiku u ripetut.
Owen Bonnici huwa wieħed minn dawn l-“allat”. B’saqajn tat-tafal.