Fil-Qorti llum is-Supretendent Ray Aquilina kkonferma li Adrian Delia qed jiġi investigat kriminalment fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin. Dan il-każ kienet kitbet dwaru Daphne Caruana Galizia. Din kienet kixfet li meta Adrian Delia kien għadu jaħdem bħala avukat, huwa kien fetaħ f’ismu u ħaddem kont bankarju barrani li fih ta’ sikwit kien jiddeposita flejjes ġejjin mill-qliegħ fuq il-prostituzzjoni tan-nisa f’Londra.
Jidher li din l-“investigazzjoni” tqiegħdet minn Ian Abdilla fl-istess għadira ta’ ilma qiegħed li fihom tqiegħdu investigazzjonijiet oħra marbutin mal-imġieba ta’ rjus kbar fil-politika bħalma huma Konrad Mizzi u Keith Schembri b’rabta ma’ dak kollu li nkixef dwarhom fil-Panama Papers.
Jista’ jkun li bħalissa Ian Abdilla qed jara kif jagħmel biex dawn l-investigazzjonijiet b’xi mod iwassalhom fi tmiemhom b’suċċess. Jew inkella qed jara kif jagħmel biex dawn l-investigazzjonijiet jerfagħhom fuq xkaffa biex jiġmgħu t-trab għax dan hu proprju dak li jkunu jridu li jseħħ il-partiti politiċi ta’ Ian Abdilla.
X’aktarx li qatt ma tista’ tkun tajba għall-gvern tal-Labour l-aħbar li se jittieħdu passi kriminali kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri minkejja l-fatt li l-partit issa qed jipprova – b’nofs qalb – iżomm ‘il bogħod minnhom.
Iżda tkun aħbar isbaħ għal tal-Labour jekk il-puliizja jiddeċiedu li jieħdu passi kriminali kontra Adrian Delia. Madankollu, pass bħal dan fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom ikun wieħed ta’ ħela politika. Bħalissa Adrian Delia ma jistax ikun elettoralment dgħajjef aktar milli hu. Skandlu bħal dan ikun aktar utli għal tal-Labour kemm il-darba, b’xi miraklu, s-sondaġġi tal-opinjoni pubblika jduru favur Adrian Delia.
Il-kwistjoni dwar Soho baqgħet sal-lum imdendla ma’ għonqu bħal mażżra. U l-għajjat dwar il-“biċċa blogger” komplew għarrquh.
Fl-isfond tas-sondaġġi negattivi għall-aħħar li xxandru l-Ħadd li għadda fil-Malta Today u fl-isfond tal-fatt li ismu reġa’ ssemma’ llum fil-qorti, x’aktarx li l-konversazzjoni li ser isseħħ illejla waqt laqgħa tal-grupp parlamentari m’hix ser tkun waħda mimlija ħlewwa. Il-PN jidher li huwa destinat li jibqa’ jiffoka b’mod perpetwu fuq id-destin imqanqal tal-mexxej tiegħu.