Il-ġurnal Kattoliku Taljan L’Avvenire semma’ l-ismijiet tat-12 il-ruħ li mietu fuq dgħajsa li tħalliet għal riħha fl-ibħra Maltin minkejja l=fatt li l-forzi armati Maltin kienu lemħuhom meta kienu għadhom ħajjin.

Omar, Mogos, Hzqiel, Hdru, Huruy, Teklay, Nohom, Kidus, Debesay, u tlitt irġiel bl-isem Filmon ilkoll mietu bil-għatx, bil-ġuħ u mgħarrqin fl-ibħra Maltin. Ħdax minn dawn l-irġiel kienu Nsara. Dawk li baqgħu ħajjin identifikaw “lil ħuhom Omar” bħala Musulman. L-età tagħhom kienet tvarja bejn it-18 u l-25. Uħud minnhom kienu diġà għamlu attentat biex jaqsmu lejn l-Ewropa bil-baħar f’okkażjoni oħra.

Il-ġurnal xandar ritratti ta’ 6 mill-irġiel li mietu fl-ibħra Maltin matul il-lejl tat-Tnejn 13 ta’ April, l-għada tal-Għid.  Din li ġejja kienet ir-reazzjoni tal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna. Lit-12 il-raġel huwa sejħilhom bħala “vittmi tal-politika u tal-indifferenza tagħna”.

L-imwiet ta’ dawn il-vittmi seħħew wara li saru appelli minn bosta attivisti, NGOs u persuni li għandhom kuxjenza biex dawn jiġu salvati mill-għarqa. Dawk li baqgħu ħajjin inġabru minn vapur tas-sajd li għandu sidien Maltin iżda li jbaħħar taħt il-bandiera tal-Libja u tkaxkru lura lejn il-post minn fejn kienu telqu fil-Libja l-Ħamis 16 ta’ April, ġimgħa wara li telqu mix-xtajta ta’ Garabulli.

Fil-Libja kienu qed jinżammu bħala lsiera u kienu vittmi ta’ tortura sistematika.