Erġajna koppi. Qed nirċievu aħbarjiet dwar laqgħat li qed ikollu l-gvern Malti minn għejjun fil-pajjiż li fihom qed isiru dawn il-laqgħat. Dan x’aktarx iseħħ meta l-gvern ma jkunx iridna nsiru nafu s-suġġett li jkun qed jiġi diskuss f’dawn il-laqgħat.

Evarist Bartolo jingħad li kellu laqgħat mad-deputat prim ministru tal-Libja u jeżistu rapporti mhux konfermati li huwa siefer lejn il-Libja biex jattendi għal dawn il-laqgħat. Iżda dan x’aktarx ma setax kien il-każ, sakemm ma tgħabbiex abbord il-Mae Yemanja u għen fil-ġarr tal-iġsma mejtin ta’ rġiel u subien li mietu bil-għatx sakemm Malta baqgħet taħsibha għal ħamest ijiem sħaħ li ma ssalvahomx.

Il-ġurnal elettroniku Libjan bl-Ingliż Libya Review kiteb li: “nhar it-Tnejn, il-viċi-president tal-Kunsill Presidenzjali tal-Libja, Ahmed Maiteeq, tkellem mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta, Evarist Bartolo. L-uffiċjali ddiskutew it-tisħiħ fil-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll l-aħħar żviluppi li seħħew fil-Libja. Bartolo tkellem dwar il-ħeġġa ta’ pajjiżu li jagħti sehemu biex tissaħħaħ is-sigurtà u l-istabilità tal-Libja, u ġedded l-appoġġ tiegħu għall-gvern ta’ dak il-pajjiż”.

Kliem bħal dan ifisser li ma ridux jikxfu s-suġġett li tkellmu dwaru. In-naħa Maltija m’għamlet ebda stqarrija dwar il-laqgħa.

Għall-imġieba tiegħu, Evarist Bartolo jwieġeb lill-Parlament u lill-pubbliku u għalih għandna dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:

  1. Mal-Libja tkellem dwar il-ko-ordinament tat-treġġija lura lejn il-Libja ta’ immigranti li jkunu ġew salvati fl-ibħra Maltin?
  2. Tkellem dwar xi forma ta’ ħlas li għandu jsir lil Libja jew lil ħaddieħor bħala kumpens għall-politika favur it- treġġija lura tal-immigranti?
  3. Talab li jingħata assikurazzjonijiet dwar it-trattament u l-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-immigranti li jitreġġgħu lura?