Din id-darba ma tfaċċax xi Owen Bonnici biex igħidlina li l-fehma ta’ Alfred Grixti li d-dgħajjes li qed isalvaw l-immigranti għandhom jiġu mgħarrqa m’hi xejn ħlief espressjoni tal-libertà tal-kelma. Hekk kien għamel meta Jason Micallef kien ħalla lsienu jiġri bih. U dakinhar, bħal kull okkażjoni oħra, kellna nfakkru lil Owen Bonnici li meta xi ħadd li għandu kariga pubblika mal-gvern jiftaħ ħalqu biex jobżoq il-ħdura, seta’ jagħmel dan biss ġaladarba jwarrab il-privileġġi li ngħata biex jaħdem għalina lkoll u mhux biss għal dawk li jaqblu miegħu.
Issa Alfred Grixti jista’ jibqa’ jgħid li għandu kull dritt għall-fehma tiegħu li d-dgħajjes li qed isalvaw l-immigranti mill-mewt għandhom jiġu mgħarrqa. Jista’ wkoll iħoss li għandu kull dritt jesprimi din il-fehma tiegħu fil-kuntest tar-rapporti li xxandru fl-istampa ta’ madwar id-dinja li membri tal-armata tagħna wettqu sabutaġġ fuq dgħajjsa li rikbin fuqha kien hemm 70 immigrant. Sebgħin immigrant li s’issa għadna ma smajniex aħbarhom. Li nafu żgur huwa li ħadd m’hu jindenja ruħu jara li ma twettaqx xi att ta’ qtil kollettiv.
Alfred Grixti huwa marbut bil-kodiċi tal-etika li jorbot lill-ħaddiema li jaħdmu mal-gvern. Huwa marbut li “jirrispetta lil ħaddieħor” u “li ma jiddikriminax bl-imġieba tiegħu”. Huwa marbut li jara li ma jkun hemm ebda kunflitt li jista’ jfixkel it-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u dan japplika wkoll għal xi kunflitt li jista’ jkun hemm bejn il-fehmiet tiegħu u dmirijietu. Huwa marbut li “jġib ruħu b’rispett ma’ ħaddieħor u li jirrispetta lill-individwalità ta’ kull bniedem.” Huwa marbut li “jġib ruħu b’mod li permezz tiegħu, kemm fil-kapaċità uffiċjali tiegħu kif ukoll dik privata, jġib ‘il quddiem ir-reputazzjoni ta’ Malta u tal-istituzzjonijiet tagħha”. Huwa “ma jistax jiddiskrimina għal kwalsiasi raġuni kompriż raġunijiet ta’ razza”. Alfred Grixti huwa mistenni wkoll li “kull kumment li huwa jagħmel fil-pubbliku (kompriż fil-media soċjali), u l-parteċipazzjoni tiegħu f’attivitajiet politiċi, la jimminaw u lanqas inaqqsu l-fiduċja tal-pubbliku fil-kompetenza u l-imparzjalità tal-amministrazzjoni, jew li jwasslu lil impjegati pubbliċi u membri ta’ bordijiet f’kunflitt mad-dmir tagħhom li jservu lill-gvern b’imparzjalità.”
Alfred Grixti mexa’ ma xi waħda minn dawn ir-regoli li semmejt?
Xejn affattu.
Iżda jekk Alfred Grixti jrid li jkollu l-libertà li jobżoq il-ħdura, dan ma jistax jagħmlu dment jibqa’ jitħallas minn flus il-poplu. Għaliex Alfred Grixti m’huwiex biss funzjonarju tal-istat li pubblikament lissen fehma li tmur direttament kontra l-politika uffiċjali tal-gvern. Dan biss, diġà huwa inaċċettabbli. Iżda hu wkoll responsabbli għat-tfassil tal-politika dwar l-għajnuna soċjali u jidher li mhux biss jinsab awtorizzat li jitkellem f’isem il-gvern dwar dan il-qasam, iżda huwa mistenni li jagħmel dan ukoll.
Il-Fondazzjoni dwar is-Servizzi tal-Għajnuna Soċjali li jmexxi Alfred Grixti hi entità li għandha r-responsabbiltà li tfassal il-politika tal-gvern dwar it-traffikar tal-bnedmin. Għaldaqstant hawn għandna sitwazzjoni li fiha persuna li għandha r-responsabbiltà li tiddeċiedi dwar l-għajnuna li għandha tingħata lil dawk li jiġu salvati, pubblikament jiddikjara li d-dgħajjes tal-NGO’s li volontarjament qed isalvaw il-bnedmin għandhom jiġu mgħarrqa.
Agħtu daqqa t’għajn lejn fuljett li tqassam minn Appoġġ, wieħed mid-departimenti fil-fondazzjoni ta’ Alfred Grixti, dwar ix-xogħol li qed twettaq fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin (human trafficking). Il-politika ta’ Alfred Grixti issa tgħid li l-vittmi tat-traffikar uman nistgħu biss nibdew nieħdu ħsiebhom kemm il-darba jirnexxielhom jirfsu fuq pajjiżna. U qabel jirfsu fuq artna, dawn l-imsejkna jistgħu jmorru jixxejjru, possibilment anki f’qiegħ il-baħar jew inkella, fl-aħjar ipotesi, dawk id-dgħajjes li għandhom il-ħila li jsalvawhom mit-traffikar għandhom jiġu mgħarrqa fejn jinsabu bħalissa x’imkien fil-Libja.
Ir-Rapport Annwali tal-Fondazzjoni għall- 2018 (FSWS AR 2018) igħid li l-Fondazzjoni għenet 15 il-vittma tat-traffikar. Dan il-fatt huwa mpinġi bħala t-twettiq tal-obbligi tal-Fondazzjoni, liema obbligi ġew imwarrba kompletament minn Alfred Grixti bis-saħħa tal-politika dikjarata tiegħu li jgħerreq id-dgħajjes.
Fir-rapport tal-Fondazzjoni tal-2019 reġa’ hemm imsemmi l-miżuri kontra t-traffikar tal-bnedmin (Appoġġ Yearly statistical report 2019 (online version). Il-gvern m’għandux joqgħod jistenna sakemm iwarrab Alfred Grixti. Dan għandu jitkeċċa.
Dan dejjem sakemm il-ħdura li titlissen ma ssirx politika uffiċjali aktar tard. Wisq nibża’ li fil-fatt dan huwa l-każ.