Fil-25 ta’ April, l-Italja tfakkar il-jum li fih ħelset darba għal dejjem mir-reġim faxxista. Ftit jiem wara, jiġifieri fit-3 ta’ Mejju, jiġi ċelebrat il-jum tal-libertà tal-istampa. Din is-sena il-federazzjoni tal-ġurnalisti tal-Italja, jiġifieri FNSI – iddeċidiet li twaħħad iż-żewġ avvenimenti u qed tfakkar l-isforzi tal-ġurnalisti b’riżq ir-reżistenza kontra l-faxxiżmu, il-gideb li jxerred u l-qawmien mill-ġdid tiegħu fi żmienna.
Flimkien ma’ ġurnalisti oħrajn, jien ġejt mitlub li nibgħat messaġġ għall-okkażjoni.
https://t.co/ssh3dtl8jR
Insieme per chiedere verità e giustizia per #daphnecaruanagalizia l’adesione alla “maratona” di @Artventuno di @Manwel_Delia @Corinne_Vella @FnsiSocial @paoloborrometi @sruotolo1 @ElisaMarincol @reportrai3 @libera_annclm @lorenz_frigerio @RiccardoNoury.— Beppe Giulietti (@BeppeGiulietti) April 15, 2020
Din li ġejja hi traduzzjoni għall-Malti:
Ningħaqad ma’ kollegi tiegħi Taljani u madwar id-dinja biex infakkar il-jum internazzjonali dwar il-kelma ħielsa. Il-kelma tagħna hi l-unika arma li għandna kontra dawk li jridu jsikktuna. Għall-faxxisti u għall-estremisti mhux biżżejjed li jsikktuna. Dawn iridu wkoll iċaħħdu lil popli sħaħ mill-informazzjoni li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jagħmlu għażla favur il-ħajja demokratika u favur id-diċenza u l-fraternità bejn il-bnedmin. Ebda ġurnalist ma jrid ikun martri. Id-demokrazija m’hix xi reliġjon. Hi dmir taċ-ċittadinanza u milja ħajja tal-kostituzzjonijiet demokratiċi li ngħożżu. Dan huwa rwol li nassumu b’serjetà u b’impenn sħiħ għall-ġid tal-komunità li ngħixu fiha. It-theddid ċertament jinkwietana u jbeżżagħna. Iżda minkejja dan kollu, xogħolna bi ħsiebna nkompluh.