Fl-isforz tagħhom li jsibu l-għedewwa lil minn jattakkaw, tal-Partit Laburista u dawk li jitkellmu f’ismu tgħidx kemm qegħdin jehdew iwaħħlu fl-Unjoni Ewropea għal dak kollu li ma jinżlilhomx. Il-propaganda ta’ mibgħeda kontra l-barranin qabdet l-għeruq u qed tinfirex anki fost uħud li ma jappoġġjawhomx.

Dan m’hu xejn ħlief pass ieħor fit-triq tal-lemin estrem li qabad il-Partit Laburista b’ħeġġa liema bħalha.

Nieħdu l-kontroversja li hawn bħalissa li fiha hemm min qed ifittex ir-“raġunijiet” biex lil min ikun qed jegħreq nibqgħu ma nsalvawħx. Politiċi Maltin qed jippruvaw jiġġustifikaw il-fatt li qed jibqgħu lura milli jagħmlu d-dmir tagħhom u jsalvaw lin-nies mill-għarqa billi lill-poplu qed igħidulu li dan id-dmir huwa tal-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea m’hix “xi ħadd ieħor”. Ikun qed iqarraq min jippunta sebgħu lejn Brussell u lejn uffiċjali tal-Kummissjoni bħallikieku dawn jinsabu armati b’dgħajjes veloċi li jistgħu joħorġu jsalvaw in-nies ma’ kull rokna tal-ibħra Ewropej kull darba li jseħħ xi inċident. Il-kosta Ewropea hi mifruxa mill-kosta tal-Baħar l-Iswed, il-Mediterran, l-Atlantiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Baltiku u l-Arktiku. Ferm qabel ma nħolqot l-Unjoni Ewropea, kull pajjiż li għandu l-kosta tiegħu tmiss ma’ dawn l-ibħra kellu d-dmir li jsalva lin-nies li jsibu ruħhom fil-periklu fl-ibħra tiegħu u kull wieħed minn dawn il-pajjiżi għandu nfrastruttura li tħares il-kosta biex dan id-dmir ikun jista’ jitwettaq.

Malta għandha x-xorti li hi gżira f’nofs il-Mediterran. Il-pożizzjoni ġeografika tal-pajjiż hi ta’ valur kbir. Li kieku konna gżira żgħira f’nofs il-Baħar Atlantiku jew dak Paċifiku, ma kienx ikollna l-vantaġġi li għandna bħala gżira żgħira f’nofs il-Mediterran. Iżda marbutin mal-vantaġġi hemm ukoll ir-responsabbiltajiet. Responsabbiltajiet li huma kollha tagħna. U mhux ta’ ħaddieħor.

Jekk ikun hemm xi dgħajsa qed tagħreq viċin il-kosta tal-Latvja, ħadd ma jippretendi li Malta għandha tibgħat dgħajjes fil-Baħar Baltiku biex issalva lin-nies mill-għarqa. Din hi r-raġuni l-għala meta jkun hemm min qed jegħreq fl-ibħra tagħna, ikun hemm minn jaħsibna mġienen meta nwaħħlu fl-Unjoni Ewropea talli aħna stess inkunu nqasna minn dmirna li nsalvawhom.

Il-partiti tal-lemin estrem, bħall-Partit Laburista ta’ Malta, ma jridu xejn biex iwaħħlu fil-barrani. Dawn kollha huma ta’ pezza waħda. Fil-fatt il-partiti tal-lemin fl-Italja, fil-Greċja, fil-Ġermanja u fi Franza ilkoll jitkellmu b’leħen u ton wieħed. Il-partit tal-lemin estrem fl-Italja kien għamel xi żmien fil-gvern u għad jerġa’ jkun fis-setgħa. Fl-Ungerija, l-lemin estrem tista’ tgħid li ħoloq dittatura. U fil-Polonja qiegħdin biex.

Ċertament li l-Partit Laburista ta’ Malta m’huwiex waħdu.

Għalkemm wieħed ma jistax ilaqqam lill-Konservattivi tar-Renju Unit bħala xi partit tal-lemin estrem, is-sentiment anti-Ewropew u t-twaħħil tat-tort fuq l-Unjoni Ewropeja għal dak li suppost għandu jsir mill-awtoritajiet lokali u nazzjonali huwa preludju għal dak li jista’ jseħħ fil-ġejjieni kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutha.

Hemm min bir-raġun ifakkarna li l-proġett Ewropew huwa msejjes fuq il-prinċipju tas-solidarjetà. U dan il-prinċipju qed jinkiser ripetutament minn gvernijiet tal-lemin bħal dawk tal-Ungerija u tal-Polonja li qed jirrifjutaw li jerfgħu sehemhom mill-piż tal-immigranti li jkunu ġejjin minn nofsinhar tal-kontinent.

U din is-sitwazzjoni qed isservi ta’ skuża komda: f’Malta hawn bosta li qed igħidu li ġaladarba l-Ungerija ma’ tridx tilqa’ l-immigranti li nkunu salvajna, m’għandna għalfejn insalvaw lil ebda immigrant.

B’dan l-aġir l-ewwel li jbatu jkunu dawk l-immigranti li nonqsu li nsalvaw. Iżda l-iskop wara din il-kitba hu li nitfa’ dawl fuq il-fatt li hawn min qed jirraġuna li jkun ferm aħjar għalina kemm il-darba s-solidarjetà ta’ mingħajr fruntieri, s-sovranità maqsuma bejn il-pajjiżi u l-proġett Ewropew inwarrbuhom għal kollox.

Issa wieħed għandu dejjem jiftakar li s-solidarjetà ta’ mingħajr fruntieri, s-sovranità maqsuma bejn il-pajjiżi u l-proġett Ewropew kienu nħolqu bl-iskop li jiġu evitati l-gwerer diżastrużi li kienu ħakmu lill-kontinent Ewropew tul is-sekli. Dawn il-gwerer kienu skattaw minħabba nuqqas ta’ qbil dwar territorji u fruntieri, minħabba dak li kien inftiehem bħala nuqqas ta’ ġustizzja fin-negozju, minħabba l-kilba għall-ġid ta’ pajjiżi ġirien u minħabba rivalitajiet kulturali. Bis-saħħa tal-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, l-vantaġġi u l-ġid ta’ dawn il-pajjiżi kollha nġabru flimkien u l-fruntieri tħassru bil-għan li nkunu nistgħu nitgħallmu ngħixu flimkien fil-paċi u b’hekk il-ħtieġa li nirrikorru għall-gwerra tispiċċa.

Madankollu ta’ min isemmi li, malli tfaċċat l-epidemija, kien hemm min ħassu komdu hekk kif bdew jittellgħu l-ħitan u kull pajjiż beda’ jaqdef għal rasu fi sforz biex tiġi kontrollata l-marda. M’għandniex xi ngħidu, din it-tendenza anti-Ewropea ma bdietx fi Frar 2020 meta feġġet l-epidemija u ilha tinħema għal snin sħaħ kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi madwar l-Ewropa. Il-kriżi li ġabet magħha l-epidemija serviet biex qiegħdet din it-tendenza fl-ewwel filliera.

Il-Partit Laburista ta’ Malta huwa kompost minn grupp ta’ persuni privileġġjati li huma determinati li jikkonservaw is-setgħa biex ikunu jistgħu jagħmlu li jridu mingħajr xkiel. Mill-2008 l’ hawn, ra kif għamel biex jiżgura li fl-arena politika ma jkun hemm ebda alternattiva għall-awtorità u l-influwenza tiegħu. Fil-proċess, ipprova jikkontrolla lill-qrati, lill-korp tal-pulizija ppolitiċizzah, qered lis-servizz ċivili, mmina lill-istampa, elimina t-theddida li kellu fil-persuna tal-aqwa ġurnalista li kellu l-pajjiż, infiltra lill-oppożizzjoni u issa jidher li hu mħeġġeġ li jeqred lill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

Dan il-pjan jinkludi fih l-imminar tal-Unjoni Ewropea u issa wasalna biex nidħlu f’din il-fażi. Il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jqiegħdu l-paramentri li fi ħdanhom gvern nazzjonali ikun jista’ jaħdem. Għaldaqstant gvernijiet bħal tagħna ma jistgħux jagħmlu dak li jfettlilhom. Is-saħħa politika li tista’ ġġib magħha s-sħubjia ta’ pajjiż f’istituzzjonijiet internazzjonali m’hix waħda awtomatika. Iżda taf tkun biżżejjed biex tirrikonoxxi li r-reżistenza tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-inizjattivi meħudin mill-istampa u l-pressjoni minn naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej servew biex Joseph Muscat spiċċa twarrab.

Din is-sitwaazjoni, lil tal-Labour ma togħġobhom xejn. Jekk dawn ifettlilhom li jridu jħallu lil min jegħreq fil-baħar, ma jridu ebda korp tal-pulizija jew imħallef jgħidilhom li dan ma jistgħux jagħmluh. Ċertament lanqas ma jridu lill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili u lill-Unjoni Ewropea jgħidulhom x’ma jistgħux jagħmlu.

Bħalissa tal-Labour jinsabu mehdijin f’kampanja biex jippruvaw jiżolaw u jżebilħu lill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, u b’mod aktar sottili, qed jippruvaw jimminaw is-sħubija tagħhna fl-Unjoni Ewropea. U nkunu qed naqgħu għaliha meta nibdew naqblu li tal-Unjoni Ewropea huma għaqda mxajtna għaliex qed jonqsu mid-dmir li jsalvaw lil min ikun qed jagħreq fl-ibħra tagħna. Din m’hi xejn ħlief il-verżjoni faxxista tal-istejjer li kienu jivvintaw il-Konservattivi dwar  il-frott tal-banana dritt jew il-26,911 kelma użati fil-liġijiet dwar il-kaboċċi.

Pajjiż b’partit wieħed, għalkemm ikun imħeġġeġ li jerda’ flus kemm jiflaħ mill-Unjoni Ewropea, ma jkunx lest li joqgħod għal-liġijiet tagħha.

Oqgħodu b’seba’ għajnejn.

Dawn bi ħsiebhom iċaħħduna mill-paċi u l-liġijiet Ewropej u nafu nsibu ruħna nċapċpulhom.