Qed jippruvaw jitimgħu lill-poplu l-qerq dwar dak li seħħ mill-Għid ‘l hawn: id-deċiżjoni tal-gvern li jabbanduna lil dawk li kienu fil-periklu tal-mewt bl-għarqa fl-ibħra tagħna, l-impatt li kellha din id-deċiżjoni fuq mill-inqas żewġ dgħajjes mgħobbijin bin-nies, l-imwiet ta’ 12 minnhom, is-sejħa ta’ Repubblika biex titnieda investigazzjoni dwar l-inċidenti u r-reazzjoni bla preċedent tal-prim ministru.

Saħansitra anki dawk il-ġurnalisti li s-soltu jkunu jridu jistabilixxu l-fatti, qed jegħrqu fil-konfużjoni tal-imħuħ li l-gvern qiegħed jiżra’ apposta. U bosta huma dawk li qed jibilgħu l-verżjoni tal-gvern.

Dan ma japplikax għal Caroline Muscat ta’ The Shift News. Biex l-affarijiet ikunu ċari, aqraw l-artiklu tagħha hawn.

Intant bil-permess tal-awtriċi, hawn verżjoni bil-Malti tal-artiklu tagħha:

Repubblika, l-għaqda tas-soċjetà ċivili li tinsab fil-mira prinċipali tal-Prim Ministru Robert Abela, għamlet talba sabiex titnieda inkjesta maġisterjali wara li kienu xxandru rapporti fl-istampa internazzjonali, partikolarment fin-New York Times u The Guardian, li suldat tal-Forzi Armati kien tela’ fuq dgħajsa mgħobbija bir-refuġjati u allegatament qata’ l-control cable tal-makna u b’hekk qiegħed ħajjet ir-refuġjati fil-periklu.

Ta’ min isemmi li ta’ Repubblika la għamlu akkużi, la għamlu allegazzjonijiet u lanqas qiegħdu s-suldati fl-iżbarra. Kull m’għamlet Repubblika kien li ġibdet l-attenzjoni għar-rapporti li xxandru fl-istampa u, fil-kuntest tas-silenzju li jtarrax minn naħa ta’ Robert Abela, talbet sabiex issir inkjesta biex jiġi stabilit dak li kien seħħ tassew.

Repubblika talbet ukoll lill-inkjesta sabiex tinvestiga l-azzjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Abela fid-dawl tal-perikli eżistenti fil-baħar. Bnedmin kienu qed jegħrqu u kien jeħtieġ li toħroġ il-verità.

Abela rreaġixxa billi fetaħ attakk fuq Repubblika u fuq l-avukati tagħha, u xliehom li qiegħdu lis-suldati – u lilu stess – fl-iżbarra u fil-proċess rema’ l-baħar il-verità tal-fatti. Eżatt bħal Joseph Muscat, Abela kebbes in-nirien bl-użu tal-frażi ta’ Dom Mintoff ‘Malta l-ewwel u qabel kollox‘ u meta qal li l-patrijotti għandu jitgeżwru fil-bandiera.

Bażużli bħar-Re tat-Tigri Anton Rea Cutajar – dak li nqeda b’persuni b’diżabilità biex akkwista permess biex iżomm l-annimali selvaġġi – tħalla jidħol f’post fejn lanqas il-ġurnalisti ma tħallew jidħlu u dan biex jirregala lill-armata b’bukkett ward aħmar f’xena li xxandret fil-media soċjali.

Cutajar huwa wieħed minn ta’ ġewwa fil-klikka Laburista. Erħilha li ħadd ma jistaqsi jekk humiex il-profitti mid-drogi li qed jiffinanzjaw iż-zoo li għandu u jekk humiex dawn li ħolqulu kuxjenza soċjali. Meta jien kont staqsejtu dwar kif qed jiffinanzja dan iż-zoo, hu u jgħidli li l-proġett tiegħu huwa importanti ferm għall-komunità tagħna, kien medhi jitma’ lit-tigri tiegħu minn fuq sellum b’biċċiet tal-laħam li bosta familji Maltin m’għandhomx minn fejn jixtruh biex jikluh f’ġimgħa.

“Kelli kumpanniji fiċ-Ċina,” qalli. Mhux hekk tgħid.

Ma kienx biss Cutajar li ntuża bħala għodda mill-gvern. Kien hemm ukoll Tony Zarb, Glenn Bedingfield, Jeffrey Pullicino Orlando u dawk tas-soltu li huma parti mill-Brigata l-Ħamra li jehdew jattakkaw lil min ma jaqbilx magħhom biex mingħalihom jagħtu l-appoġġ lil prim ministru b’dahru mal-ħajt.

Iżda ma kienx biżżejjed għal Robert Abela u l-Kabinett tiegħu li jgeżwru lilhom inifushom f’bandiera. Abela kompla tefa’ l-ħatab tar-razziżmu fin-nar u ħeġġeġ il-bigottiżmu razzista li jinsab jixref mhux biss fost l-elettorat Laburista iżda anki fost dawk li jriduha ta’ partitarji Nazzjonalisti.

Din ta’ Abela kienet imġieba mill-aktar irresponsabbli. Abela mhux biex għamel l-almu tiegħu biex jintogħġob mal-ksenofobiċi u mar-razzisti iżda lil dawn fetħilhom il-bieb beraħ.

U biex ikompli jħeġġeġ il-ħuġġieġa għat-trolls, feġġet l-aħbar li Repubblika, għax hekk kienet fid-dmir li tagħmel, ġibdet l-attenzjoni tal-maġistrat inkwirenti li seta’ kien hemm provi li l-imġieba ta’ suldati fuq patrol boat P52 setgħet kienet waħda b’intenzjoni kriminali.

Talli ġabet ruħħa b’dinjità u għamlet dak li suppost kien fid-dmir li jagħmel Abela, Repubblika u l-membri tagħha ġew redikolati fuq struzzjonijiet tal-Prim Ministru – għaliex dak kien il-messaġġ li ried iwassal. M’hemm xejn ġdid f’dan kollu – kull min ażżarda jikkritika l-iskandli ta’ dan il-gvern li qed jiswew il-miljuni lill-kaxxa ta’ Malta, ġew insultati, imżebilħa u skreditati għal snin sħaħ taħt dak ta’ qablu.

Abela wiegħed il-“kontinwità”. Dawk li kellhom dubji dwar dak li tassew ried ifisser b’dan il-kliem, issa jafu x’kellu f’moħħu.

Abela – dak li, kieku ried, seta’ evita dan il-kjass kollu billi ċaħad ir-rapporti fl-istampa internazzjonali – għamel attentat biex l-informazzjoni jużaha bħala arma biex jikseb vantaġġ politiku. Din l-istrateġija mhix waħda ġdida – iżda l-“kontinwità“ hi sikkina b’żewġt ixfafar.

Hekk kif Abela jiċċelebra l-ewwel 100 jum tiegħu bħala prim ministru, għandu dejjem jibqa’ jżomm f’moħħu li kienet is-soċjetà ċivili li niżżlet lill-“kink” tiegħu mis-setgħa.