Il-lejl li għadda vapur tat-turisti tal-Captain Morgan ġie mgħammar b’imtieraħ li jistgħu jintrefgħu erba’ erba’ minn persuna waħda u ntbagħat biex jiltaqa’ fuq il-baħar mal-vapur tas-sajd li issa sar notorju il-Mae Yemanja, vapur tas-sajd li sidu huwa Malti iżda li jbaħħar taħt il-bandiera tal-Libja u li ntuża biex illegalment treġġgħu lura lejn il-Libja madwar 50 immigrant akkumpanjati mill-iġsma mejtin ta’ ħames passiġġieri.

Il-gvern spjega li l-vapur tal-Captain Morgan kien ser jintuża biex jgħabbi lill-immigranti u jżommhom fih indefinittivament fuq il-baħar. Din id-detenzjoni ma ssejħitx bħala kworantina. Ir-regoli tal-kworantina, li japplikaw għal kulħadd kull meta tiskatta xi epidemija, kienu japplikaw għall-immigranti wkoll li kieku dawn ittellgħu l-art fil-port. Dan il-metodu wżatu l-Italja permezz ta’ vapur li kien żamm lill-immigranti għal 14 il-jum. Iżda l-gvern ta’ Malta ma ntrabatx dwar x’bi ħsiebu jagħmel malli jgħaddu l-14 il-jum. Għall-kuntrarju, “kelliema” tal-gvern qalu li l-gvern hu determinat li ma jħalli lil ħadd jidħol fil-port sakemm tibqa’ tinfirex l-epidemija (tista’ ddum xhur sħaħ). Madankollu dawn qalu li tal-“Unjoni Ewropea” jistgħu jiddeċiedu li jieħduhom meta jridu.

Għaldaqstant, is-sitwazzjoni li għandna f’ħoġorna wieħed ma jistax jipparagunaha mas-sitwazzjoni ta’ vapur li jankra ‘l barra minn Pozzallo għal skopijiet ta’ kworantina. Din is-sitwazzjoni aktar tixbaħ dik li kellna fil-Milied tal-2018 li fiha kien imdaħħal il-vapur Sea-Watch. L-immigranti qed jinżammu bħala ostaġġi fil-baħar sakemm il-kapijiet tal-gvern tal-Unjoni Ewropea tmisshom il-kuxjenza. Madankollu, din id-darba dawn l-immigranti m’humiex fuq xi vapur tal-NGO’s li salvahom mill-għarqa f’nofs ta’ baħar. Dawn ser jinżammu fuq vapur tat-turisti li s-soltu jbaħħar qrib il-kosta li, f’ċirkostanzi normali, jkun jeħtieġ permess speċjali u dan dment li jintrabat li ma jgħabbix passiġġieri lejn Sqallija anki għal skop ta’ tiswijiet.

Ma’ wieħed mill-ġnub tal-vapur tat-turisti, xi ħadd li mingħalih ried idaħħak dendel bandiera tal-Ewropa bil-kitba “Solidarjetà Ewropea”. Din kienet forma ta’ ċiniżmu li fakkritni fit-tindif li kien sar mill-Ġermaniżi fi żmien il-gwerra fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Theresienstadt għal għajn l-ispetturi Daniżi tas-Salib l-Aħmar. Mingħalihom riedu jdaħħku meta hemm fin-nofs hemm id-dinjità tal-bnedmin. Arbeit macht frei tabilħaqq.

Il-gvern jidher li ma ħasibx sewwa din it-“tattika diplomatika”. Meta ddaħħal l-immigranti fil-pajjiż u tinsisti li pajjiżi membri tal-UE għandhom jaqsmu l-piż magħha, Malta tkun qed tagħmel sejħa li tkun imsaħħa mill-forza morali. M’għandniex xi ngħidu, pajjiżi bħall-Ungerija, l-Polonja u r-Repubblika Ċeka ma jċedux malajr. Iżda bosta huma dawk il-pajjiżi membri tal-UE li jifhmu li Malta hi żgħira wisq biex iżżomm in-nies kollha li jkun irnexxielha ssalva fl-ibħra tagħha. Dari konna nqanqlu s-simpatija ta’ dawn il-pajjiżi. Biżżejjed li wieħed isemmi n-numru kbir ta’ immigranti li mill-Greċja qed jittieħdu f’pajjiżi oħra tal-UE saħansitra anki wara li skattat l-epidemija Covid-19 u wara li ngħalqu l-ajruporti. Fil-18 ta’ April, il-Ġermanja evakwat grupp ta’ tfal mill-Greċja. Dan kien fiż-żmien li fih tal-UNHCR kienu qed jgħoddu l-mejtin li kienu ġew abbandunati fl-ibħra tagħna. Il-bieraħ il-Finlandja ħabbret li kienet ser taċċetta immigranti tfal mill-Greċja u dan fl-istess żmien li Malta qed tibgħat vapur tal-Captain Morgan biex fuqu jinżammu l-immigranti f’nofs il-baħar. Bħala pajjiż ma tantx jidher li qed nirbħu s-simpatija u nikkonvinċu li għandna każ morali.

Wieħed għandu dejjem iżomm f’moħħu li s-simpatija tal-Ewropej tibda’ tgħeb meta nibdew inġibu ruħna kif kien ġab ruħu Joseph Muscat dakinhar li rrifjuta li jtella’ lill-immigranti li ġew salvati lejn l-art sakemm il-pajjiżi tal-UE jaċċettaw li jieħduhom. Dan aktar u aktar meta Malta hi pajjiż li tbiegħ il-passaporti lil ħallelin mir-Russja u miċ-Ċina u f’dan il-każ tibqa’ lura milli tilmenta li pajjiżna huwa żgħir wisq biex jesa’ lil dawn in-nies kollha.

Dan igħodd ukoll għaż-żminijiet li fihom Robert Abela ħareġ bil-Covid-19 bħala skuża uffiċjali għar-rifjut tiegħu li jdaħħal lill-immigranti u li għaldaqstant “l-UE” (li jfisser il-pajjiżi Ewropej) imissha qed taċċetta lill-immigranti li jinsabu fl-ibħra tagħna. Li ma jgħidx Robert Abela hu li anki l-pajjiżi Ewropej għandhom problemi kaġunati mill-epidemija Covid-19 u m’għandux għalfejn iġib ruħu bħallikieku Malta biss qed tiffaċċja din il-problema.

Jekk Robert Abela jippretendi li ħaddieħor għandu jkun solidali ma’ pajjiżu, għandu hu stess jestendi s-solidarjetà. Għaliex li tagħmel jagħmlulek.

Din l-hekk imsejjħa soluzzjoni bl-użu ta’ vapur tat-turisti, jqanqal diversi mistoqsijiet. U jipprovdi wkoll xi tweġibiet kif ser naraw fil-kitba li jmiss.