Id-dipartiment tal-pulizija qed isaħħaħ it-taqsima li hemm fi ħdanu ta’ kontra r-reati kriminali finanzjarji. Ir-responsabbiltajiet ta’ din it-taqsima huma kbar ħafna. Din it-taqsima hi mqassma f’erba’ taqsimiet: dik li tieħu ħsieb ir-reati kriminali ekonomiċi, dik ta’ kontra l-ħasil tal-flus maħmuġin, dik li tieħu ħsieb li tanalizza r-reati kriminali finanzjarji u dik li tgħarbel il-blockchain. Fi ftit kliem din hi t-taqsima li tinsab mgħobbija bir-responsabbiltà li tiġġieled lill-mafja u li tegħleb il-korruzzjoni.
Dawn m’huma xejn ħlief reati kriminali li servew ta’ mazzra fuq pajjiżna u li tawna isem ħażin f’għajnejn id-dinja. Il-perċezzjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward tant marret il-baħar li saħansitra n-Netflix qed jipproduċi films b’Malta bħala l-post fejn kriminali u bankiera diżonesti jistgħu jimirħu mingħajr wisq xkiel.
Fi ftit kliem, f’għajnejn id-dinja Malta akkwistat il-fama bħala post li fih jinħbew flus maħmuġin.
Wasalna s’hawn għaliex ma kellniex il-ħila jew ir-rieda li nissieltu bis-serjetà kontra t-twettiq ta’ reati kriminali finanzjarji. Niftakar qiesu l-bieraħ meta, madwar xahar wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kont intervistajt lil Jonathan Ferris u dakinhar intbaħt li l-korp tal-pulizija kellu mpjegat miegħu accountant kwalifikat wieħed biss. Dan kien l-istess żmien li fih il-korp tal-pulizija suppost kellu r-responsabbiltà li jagħmel l-għassa kontra l-ħasil tal-flus fil-ħidma ta’ 30 bank internazzjonali li kienu saru esperti fil-ħabi ta’ reati kriminali permezz tal-istampar ta’ patafjuni kbar ta’ karti li saħansitra anki s-SEC Amerikan u l-FBI kienu qatgħu qalbhom li jirnexxielhom jikxfuhom.
Kien appuntu f’dan l-istadju li dak li kienet ilha tisħaq Malta – jiġifieri li s-sovranità tagħha kien jintitolaha li tagħti nċentivi permezz ta’ ħlas minimu ta’ taxxa lil negozji li jaħdmu madwar id-dinja – ma baqgħax jagħmel sens. Għaliex is-sens komun kien igħid li, ġaladarba Malta kienet qed iddaħħal miljuni kbar ta’ flus mit-taxxi li suppost kellhom jitħallsu f’pajjiżi oħra, l-inqas li stajna nagħmlu kien li ninvestu biex issir għassa adegwata biex jiġi evitat it-twettiq ta’ dawn ir-reati kriminali internazzjonali.
B’tal-Moneyval jagħmlulna għassa stretta qishom isqra, issa qed nagħmlu sforz biex insaħħu r-riżorsi tagħna bil-għan li niġġieldu bis-serjetà kontra r-reati kriminali finanzjarji. Din m’hix xi biċċa xogħol faċli. Mhux kulħadd jinqala’ għal dan ix-xogħol. Dawk li jagħżlu li jsegwu l-passi tas-sinjuruni li jevadu t-taxxa, dawk li jinnegozjaw l-armi, lit-traffikanti tad-droga u lill-kapijiet tal-mafja li lkoll ikollhom jassistuhom għexieren ta’ avukati mustaċċuni, accountants u bankiera diżonesti, jeħtieġ li jkunu nies tal-lant.
Id-dipartiment tal-pulizija għadu kemm għamel sejħa interna għal dawk l-uffiċjali li jkunu lesti li jassistu lill-ispetturi investigattivi. Il-ħiliet li dawn jeħtieġ li jkollhom huma dawn li ġejjin:
- li jkunu jafu jikkomunikaw bil-Malti u bl-ingliż;
- li jkollhom ħiliet marbutin mal-computer office applications bħalma huma MS Word u Excel;
- li jkollhom il-ħila li jaħdmu taħt pressjoni; u
- li jkollhom il-ħila jlestu x-xogħol tagħhom fil-ħin stabilit bil-minimu ta’ superviżjoni.
B’dan qed nippretendu li jkollna l-ħila li nissieltu kontra reati kriminali mill-aktar sofistikati u kumplessi!
Dawn huma n-nies li suppost għandu jkollhom il-ħila li jilmħu u jintebħu bis-serp li jkun qed jistaħba taħt fjura mpinġija bħala waħda innoċenti!
Dawn huma n-nies li suppost se jissieltu f’isem Malta kontra l-mafja li nvadiet li Malta biex taħsel il-flus maħmuġin u mdemmija tagħha!
B’dan kollu qed nippretendu li nsewwu r-reputazzjoni tagħna u niġu stmati bħala tarka serja kontra l-kriminalità dinjija u kontra l-mafja – permess ta’ xogħol taħt pressjoni bil-minimu ta’ superviżjoni iżda tal-użu tal-MS Excel!