Lil Robert Abela tiftakruh igħidilna li l-immigranti m’aħniex noħorġu nsalvawhom mill-għarqa għaliex kien jeħtieġ li nikkonċentraw ir-riżorsi tagħna fuq l-epidemija Covid-19? Tiftakru li meta din il-“politika” nbidlet u l-gvern wera’ ruħu determinat li ma jniżżel lil ħadd lejn l-art f’Malta, anki jekk dawn ikunu ġew salvati, kien ukoll ġab l-iskuża bl-epidemija Covid-19?
Tiftakru dwar il-mod kif Robert Abela mexxa’ attakk fuq dawk il-kritiċi tiegħu li kienu lmentaw li kien ħalla lin-nies imutu bl-għarqa billi xliehom li kienu qed jimminaw “l-isforz nazzjonali magħqud biex tingħeleb l-epidemija Covid-19”?
Naħseb li dan ilkoll tiftakruh.
Għaldaqstant naħseb li dalgħodu bqajtu skantati bil-fatt li, dak kollu li kien stqarr Robert Abela issa nsieh kollu. Dalgħodu quddiem il-bini tal-qorti, l-prim ministru stqarr li “kien qed jikxef l-aħbar” li kellu diskursata twila mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. U minn dak li stqarr Robert Abela jidher li fid-diskursata li kellhom, l-epidemija Covid-19 ma ssemmiet xejn.
It-tilwima kienet tixbaħ xi ftit dawk id-diskursati li ta’ spiss nisimgħu f’filmati dwar it-teħid ta’ ostaġġi fejn in-negozjatur jaqbeż u igħid li, jekk in-nisa u tfal jinħelsu, jibgħatilhom il-pizza biex jieklu. Din l-analoġija ma saritx biss b’eżempju għaliex fil-każ tal-immigranti, dawn fil-fatt qed jinżammu bħala ostaġġi.
Robert Abela stqarr li lil Ursula von der Leyen qalilha li hi kellha tgħidlu f’liema pajjiżi Ewropej ser jintbagħtu l-immigranti qabel Malta taċċetta li tniżżilhom l-art. U skont Robert Abela, Ursula von der Leyen weġbitu billi qaltlu li hi tkun tista’ tirranġa biex tqassam lill-immigranti f’pajjiżi oħra hekk kif Malta tonora l-obbligazzjonijiet tagħha u ġġib fi tmiemhom l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ billi twassal lill-immigranti lejn l-art.
Forsi Ursula von der Leyen kien messha qaltlu wkoll li jumejn ilu l-Italja eżatt hekk kienet għamlet meta salvat lill-immigranti mill-għarqa u niżżlithom l-art f’Lampedusa u qiegħdithom fil-kworantina sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-pajjiż fejn għandhom jittieħdu.
Setgħet ukoll qaltlu li għalkemm Malta għandha raġun tilmenta li m’hemmx sistema awtomatika ta’ distribuzzjoni tal-immigranti, f’dawn l-aħħar għaxart ijiem, il-Ġermanja u l-Finlandja kienu akkomodaw immigranti li kienu fil-Greċja u li din ma kienitx l-ewwel darba li sibna ruħna f’din is-sitwazzjoni u li fiha Malta rranġat biex jitqassmu l-immigranti band’oħra.
Ursula von der Leyen setgħet ukoll fakkret lil Robert Abela li Malta hi firmatarja tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali u li mhux sewwa li mexxej ta’ pajjiż jipprova juża lill-immigranti bħala tarka umana biex, jekk ma tgħaddix tiegħu fin-negozjati, jerħilhom jegħrqu.
Lil Robert Abela setgħet qaltlu wkoll li, hi x’inhi r-relazzjoni li għandu ma’ Viktor Orban u ma’ tiranni razzisti u faxxisti oħra li jriduha ta’ demokratiċi Ewropej, xorta waħda l-prijorità tiegħu għandha dejjem tkun li jsalva l-ħajja ta’ min ikun fil-periklu li jitlifha u t-tilwim politiku għandu jkun sekondarju. Dan, m’għandniex xi ngħidu, sakemm Robert Abela m’huwiex xi razzist u faxxist ieħor li jridha ta’ demokratiku Ewropew.
Malli taqa’ l-iskuża dwar l-epidemija coronavirus, Robert Abela ma jistax ikollu tweġiba raġjonevoli għal dawn il-punti li semmejt. Inkredibbilment dalgħodu Robert Abela kkonferma li kien lest li jħalli lill-immigranti jitniżżlu l-art kemm il-darba l-Kummissjoni tgħidlu f’liema pajjiżi dawn jistgħu jintbagħtu.
Mela issa m’għadux imħasseb dwar l-epidemija?
L-epidemija kienet biss skuża u kienet issemmiet biex tqanqal il-biża’ u l-mibgħeda fil-konfront tal-barranin, partikolarment dawk li għandhom karnaġjon skur.
Il-prim ministru stqarr li dan m’huwiex razziżmu, iżda realtà. Ried jinstema’ bħallikieku kien xi Corleone: ‘m’hemm xejn personali. Dan huwa biss negozju’.
Ejjew nitkellmu dwar ir-realtà. Lil kieku l-passiġġieri li hemm fuq il-vapur tat-turisti Europa II kienu Maltin, tgħid kien iġiegħlhom jibqgħu fuqu mingħajr ma jniżżilhom l-art? Li kieku 80 Malti kienu maqbudin fuq vapur ‘il barra mill-kosta tal-Istati Uniti, tgħid il-gvern Malti kien jintervjeni mal-gvern Amerikan biex iħares l-interessi tagħhom?
Il-fatt jibqa’ li l-prim ministru qed iġib ruħu b’dan il-mod fil-konfront ta’ dawn l-imsejka għaliex għandu s-saħħa li jagħmel dan. U għandu s-saħħa li jagħmel dan għax l-immigranti in kwistjoni nzertaw li huma suwed.
Robert Abela qed ikun realistiku u razzista fl-istess ħin.