Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, Pieter Omtzigt, wera’ t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-gvern u l-oppożizzjoni f’Malta qed jippruvaw iwettqu riformi istituzzjonali mingħajr ma jagħmlu konsultazzjonijiet wiesa’ mas-soċjetà.
“Meta fi Frar li għadda żort Malta, ħadt pjaċir nisma’ mingħand il-gvern li fi żmien qasir kien ser jixxandar pakkett estensiv ta’ riformi proposti li kien ser jiġi mgħoddi lill-Kummissjoni ta’ Venezja,” stqarr is-Sur Omtzigt.
.@CoE Assembly rapporteur @PieterOmtzigt calls on Maltese government and opposition to pursue an open and inclusive reform process https://t.co/CTguLtxX8j pic.twitter.com/wRVC7fPH6c
— PACE (@PACE_News) May 6, 2020
Huwa kompla igħid: “Jien għadni ma rajt ebda abbozz, iżda smajt li hemm tħassib dwar il-mod kif tfasslu l-proposti. Fir-rapport tiegħi kont semmejt li jeżisti ċertu xettiċiżmu fost uħud f’Malta li qed jibżgħu li l-proċess ta’ riforma “kien ser isir bil-moħbi bejn il-mexxejja tal-partit fil-gvern u dak fl-oppożizzjoni’. Jien wasalt għall-konklużjoni li dan m’għandux ikun, iżda jidher li dak hu li qed jiġri.”
Iż-żewġ partiti ewlenin fil-Parlament kienu approvaw riżoluzzjoni li permezz tagħha tħabbar li kien intlaħaq ftehim dwar il-bidliet fil-mod kif isiru l-ħatriet għall-ġudikatura iżda ma ngħataw ebda dettalji dwar ir-riformi proposti. Il-gvern ma kienx qabel li jxandar il-proposti biex dawn jiġu kunsidrati b’mod wiesa’ qabel jiġu mgħaddija lil tal-Kummissjoni ta’ Venezja.
“Huwa ferm importanti għall-Kummissjoni ta’ Venezja li r-riformi li ser jitwettqu jkunu r-riżultat ta’ proċess konsultattiv wiesa’ mas-soċjetà’. L-Assemblea rrakkomandat li r-riformi għandhom ikunu ‘mfasslin u mwettqa… permezz ta’ proċess miftuħ, iklużiv u trasparenti’. Il-mod kif ser jitfasslu r-riformi proposati u jekk dawn jaqdux il-ħtiġijiet ċari tal-Kummissjoni ta’ Venezja jew, ser jeffettwa mhux biss il-leġittimità tagħhom f’għajnejn il-pubbliku – iżda wkoll ser jeffettwaw il-kredibilità internazzjonali tal-gvern ta’ Robert Abela,” temm igħid is-Sur Omtzigt.