Tikkawża kemm tikkawża problemi d-deċiżjoni li l-immigranti jinżammu bejn sema u ilma, hi wkoll deċiżjoni li tipprovdi alternattiva għall-ewwel għażla li għamel il-gvern fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid. X’aktarx biex jemula s-sagrifiċċju li kien għamel Kristu, din l-ewwel għażla kienet li lill-immigranti terħilhom jegħrqu fil-baħar. Il-gvern waħħal fl-immigranti talli dawn għażlu li jaqsmu bil-baħar minflok baqgħu fejn kienu, u dan bħallikieku kienu qed jippjanaw xi btala lejn Ruma jew lejn il-gżejjer Maldivi. Għaldaqstant bħal speċi li, ġaladarba baqgħu jinsistu li jaqsmu bil-baħar minkejja l-fatt li l-portijiet tagħna ngħalqu, setgħu jmorru jixxejru u jegħrqu fil-baħar!
Iżda ġara’ li, minkejja l-fatt li l-gvern seta’ jserraħ fuq ir-razziżmu rampanti li jinsab mifrux f’kull rokna ta’ pajjiżna, l-pressjoni li kellu mill-NGOs u l-investigazzjoni li tniediet fuq inizjattiva ta’ Repubblika spiċċaw biex ħassrulu l-festi.
Għaldaqstant il-gvern dar fuq alternattiva oħra – it-tieni għażla – billi ordna lil Neville Gafà biex iqabbad ċorma furbani tal-baħar (għalkemm jeħtieġ li nagħmilha ċara li sid il-vapur Mae Yemanja Charles Grech qatt ma kien ġie kundannat dwar akkużi ta’ kuntrabandu li kellu ma’ wiċċu f’Malta u ma kien ġara’ xejn aktar wara li kien ġie arrestat wara li kien inqabad b’somom ta’ flus kontanti fil-Libja) biex ireġġgħu lura lill-immigranti li ma kienux lesti li jmutu bil-għatx lura lejn il-Libja.
Iżda l-boċċa xorta waħda baqgħet ferm il-bogħod mil-likk.
Ma kienx biżżejjed li isem il-vapur tas-sajd kien tħassar għaliex din il-qoxra tal-baħar xorta waħda ġiet identifikata hekk kif daħlet fil-Port il-Kbir. Lil min ġietu l-idea puwerili f’moħħu li jħassar l-isem tal-vapur ma tantx qata’ sandar. U lanqas ma setgħu jserrħu rashom li Neville Gafà kien ser iżomm kollox mistur.
Issa huwa ttamat li l-ewwel żewġ għażliet twarrbu u l-gvern se jipprova jgħaddi minn triq oħra bit-tama li ma jerġax iqanqal ir-razziżmu li kien qanqal ftit ġranet ilu.
Anki jekk qed jipprova jgħaddi minn triq differenti, l-gvern ma jistax igħaġġel. Bl-ewwel triq li kien qabad il-gvern, spiċċaw mietu 12 il-ruħ. L-inkjesta kriminali li tinsab għaddejja ser tistabilixxi jekk dawk it-12 il-ruħ mietux bis-saħħa tad-deċiżjoni li ħa l-gvern li ma joħroġx biex isalvahom.
U t-tieni triq li kien qabad il-gvern, qed jitkellmu dwarha madwar id-dinja kollha. Hi tassew ħaġa inkredibbli kif Robert Abela kien mingħalih li d-dinja ma kienitx ser tintebaħ b’dak li kien qed jagħmel il-gvern tiegħu. It-tgħaffiġa bdiet bir-rapport li xandar in-New York Times nhar Ħamis ix-Xirka. Jaqaw Robert Abela ħaseb li dawn kienu tilfu l-interess fl-istorja? X’aktarx li dan l-interess qatt ma kienu tilfuh. Malta kisbet notorjetà madwar id-dinja talli kellha lil xi ħadd bħal Joseph Muscat bħala prim ministru. Robert Abela tgħid ħaseb li t-tendenza li għandhom il-Maltin li jagħżlu bħala mexxejja tagħhom ħallelin tribali li ma jaħsbuhiex darbtejn li jkollhom sehem fi qtil, kienet se ttir mar-riħ hekk kif inkunu għażilna lill-avukat personali ta’ Joseph Muscat biex imexxina?
Iva, għajnejn id-dinja ilhom fuqna. Bin-New York Times b’kollox. Aqraw x’kellu xi jgħid b’mod dettaljat dan il-ġurnal il-bieraħ filgħaxija. U aħsbu ftit fuq dak li kiteb espert legali li l-ġurnal ikkonsulta miegħu:
“Il-fatti li rriżultaw iqanqlu tħassib serju li qed nassistu għal imġieba sistematika ġdida li tista’ tgħabbi lil uffiċjali tal-istat Malti b’responsabbiltà kriminali, kemm f’pajjiżhom kif ukoll lil hinn minnu” stqarr Dr Mann.
Itamar Mann huwa espert fil-liġi marittima u fil-liġi dwar ir-refuġjati fl-Università ta’ Haifa fl-Iżrael. Jista’ jkun li Dr Mann m’huwiex espert dwar l-infurzar tal-liġijiet f’Malta: f’pajjiżna, għalkemm kien hemm prim ministri u ministri li kienu ġew “investigati”, s’issa ħadd ma ġie kundannat. U din is-sitwazzjoni x’aktarx serv tibqa’ dik li hi.
Madankollu r-“responsabbiltà kriminali lil hinn min xtutna” għandha tqanqal tħassib serju f’moħħ il-prim ministru.
Seħħ reat kriminali. U dan il-fatt ma jistax jitħassar.