Ħajjitna m’hix tmur lura għal dik li kienet u ser ikun jeħtieġilna nibdlu l-mod kif naqilgħu l-ħobża tagħna ta’ kuljum. Milli jidher, uħud mill-operaturi tat-turiżmu mingħalihom li sal-aħħar ta’ din is-sena ser jirnexxielhom iġibu turisti f’Malta daqs kemm ġabu s-sena l-oħra. Iżda din m’hix ir-realtà.

Il-kwistjoni m’hix biss dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet u dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport. Ser ikun hemm linji tal-ajru li jkollhom jerfgħu. U bosta minnhom ser ikollhom inaqqsu l-ispejjeż biex ikunu jistgħu jibqgħu jkampaw u ma tkunx sorpriża jekk ikun hemm minnhom li jħassar titjiriet skedati lejn Malta. Il-ħtieġa li jinżammu d-distanzi soċjali se jeffettwa ħażin in-numru ta’ klijenti li jkunu jistgħu jaqdu kif ukoll id-dħul. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ sigurtà fl-ajruporti mistennija li jżidu l-ispejjeż u jnaqqsu t-tijiriet skedati.

Iżda fuq kollox, ikun jeħtieġ li n-nies terġa’ tibda’ titħajjar issiefer. In-nies jeħtieġ li tegħleb il-biżgħat tagħha. Bosta huma dawk li qed jaraw id-dħul tagħhom dejjem jonqos u għaldaqstant kull pjan li seta’ kellhom dwar safar kellu jintemm ħesrem.

Dawk in-negozji li jiddependu fuq il-miġja fostna tal-kwantità ta’ turisti li żaru Malta fl-2019 ma jkunux jistgħu jkampaw kemm il-darba ma ma jgħamlux it-tibdiliet. Din hi sfida iebsa li mhux kulħadd ser ikollu l-ħila li jegħlibha. U huma dawk li jkunu innovattivi u li għandhom xi ħaġa mġemma’ li ser ikollhom l-akbar ċans li jibqgħu fil-wiċċ.

Edward Scicluna mingħalih li l-industrija tas-servizzi finanzjarji ser tibqa’ l-istess bħalma kienet qabel tfaċċat l-imxijja Covid-19. M’hix sorpriża li fl-Ewropa għad hemm rieda favur l-armonizzazzjoni fil-qasam tat-taxxi. Meta Malta kienet innegozjat is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea, wieħed mill-akbar suċċessi tagħha kien il-ftehim dwar it-taxxa u dan seħħ grazzi għall-isforzi li għamlu n-negozjaturi Maltin dak iż-żmien.

Dawn in-negozjaturi kien irnexxielhom jipperswadu lill-istati membri tal-UE li dawk li jagħżlu lil Malta biex jinvestu jew għandhom jitħallew iħallsu ftit li xejn taxxa jew inkella għandhom jitħallew ma jħallsu xejn. In-negozjaturi Maltin kienu lagħbu karta u spiċċaw biex ġabuha żewġ. Iżda dan ma jfissirx li l-istati membri tal-UE stajna nbellgħulhom dak kollu li ridna nbellgħulhom mingħajr sforz ta’ xejn. Il-verità hi li, dak iż-żmien, il-kwistjoni tat-taxxa ma kienitx taħraq daqs kemm hi waħda taħraq bħalissa.

Dak iż-żmien, nies sinjuri minn madwar id-dinja kienu jippretendu li l-globalizzazzjoni kienet tathom id-dritt li jibdlu l-lokalità fejn għandhom iħallsu t-taxxa skont kif ikun jaqblilhom. Il-gvernijiet dak iż-żmien kien jidhrilhom li dawk li kienu jfittxu li jħallsu inqas taxxa billi jmorru jgħixu f’lokalitajiet eżotiċi, kienu qed iżidu l-kompetittività tagħhom.

U għaldaqstant setgħu jagħlqu għajn waħda għal dak li kienet qed titlob Malta li, wara kollox, talbet dak li kien talab għalih ukoll Ċipru. U kien hemm ukoll pajjiżi oħra dak iż-żmien bħal l-Irlanda, l-Lussemburgu u l-Olanda, li lkoll gawdew minn arranġament simili.

Li kieku Malta kienet bdiet in-negozjati għas-sħubija wara l-kriżi ekonomika tal-2008, x’aktarx li l-kwistjoni dwar it-taxxa kienet tieħu xejra differenti. Matul dan il-perijodu bosta kienu dawk il-gvernijiet li rrikonoxxew li t-tixrid bla xkiel ta’ flejjes madwar id-dinja ma kienx ta’ benefiċċju daqs kemm kien mistenni. Għaliex din ix-xmara ta’ flejjes ġabet magħha wkoll globalizzazzjoni tal-kriminalità u tas-sostenn finanzjarju tat-terroriżmu. U, għal dawn il-pajjiżi, ġabet magħha wkoll tnaqqis kbir fid-dħul mit-taxxi.

L-argument ta’ Malta kontra l-armonizzazzjoni tat-taxxa huwa wieħed soġġettiv. Iżda jeħtieġ li nifhmu li m’aħniiex ser nipperswadu lil sħabna billi ngħidulhom li ħobżna qed naqilgħuha bis-saħħa ta’ din is-sistema. Lanqas m’aħna ser jirnexxielna nipperswaduhom kemm il-darba nibqgħu nirrifjutaw anki li nitkellmu dwar metodu aktar ġust u ekwu għall-ġbir tat-taxxi fl-Ewropa u kemm il-darba nużaw is-saħħa tal-veto tagħna fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam.

L-imxijja Covid-19 lanqas m’hi tgħin il-pożizzjoni tagħna.

Fil-15 il-sena li ilna msieħbin fl-Unjoni Ewropea, l-livell tal-għajxien f’Malta għadda minn trasformazzjoni sħiħa. Livell li kompla jogħla grazzi għall-flejjes Ewropej li sabu ruħħom fl-ekonomija Maltija. U minkejja dan, xejn ma nsibuha bi tqila li nixlu lil sħabna l-Ewropej b’nuqqas ta’ solidarjetà meta sta għalina li noqgħodu għal dak li konna ntrabatna għalih u li nsalvaw lil minn ikun qed jagħreq fl-ibħra tagħna. Madankollu nagħmilha ċara li, anki li kieku Malta m’hix imsieħba fl-UE, xorta waħda għandha dan id-dmir legali.

Issa ġejna f’pożizzjoni li mhux biss qed inkejlu r-relazzjoni li għandna ma’ sħabna l-Ewropej bix-xiber ta’ skont kemm jirnexxielna nakkwistaw flus minn fuq daharhom, iżda meta nitkellmu kontra r-riforma fil-qasam tat-taxxa, nibqgħu nippretendu li nerdgħulhom flushom.

Kien minn ewl id-dinja meta Edward Scicluna stqarr li flus li ser ingawdu bis-saħħa tal-pjan Ewropew ta’ salvataġġ finanzjarju li ġie varat il-bieraħ, b’xi mod ikun jeħtieġ li jitħallsu lura. Wissiena wkoll li l-UE qed tistenna’ li s-sħab Ewropej jaċċettaw ir-riforma dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa bħala parti mir-ristrutturar b’riżultat tal-imxijja Covid-19. Huwa xebbaħ sitwazzjoni bħal din bħal meta wieħed jibda jiekol il-bajtar qabel ma jqaxxru. 

Il-Ministru tal-Finanzi kien qed jipprova jirreżisti l-pressjoni li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tagħmel kull sitt xhur. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tfakkar lill-gvern li għadu ma wettaqx ir-riformi kontra l-ħasil tal-flus, li għadu ma ħax passi kontra l-korruzzjoni u li Malta qed tkompli tiddependi ekonomikament mill-vantaġġ tan-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxi.

S’issa bqajna nżommu iebes u lbisna l-għamad biex mingħalina ma narawx dak li qed iseħħ madwarna.

L-affarijiet ser ikollhom jinbidlu. Aħna stess jeħtieġ li ninbidlu. Dan konna ilna nafuh minn qabel tfaċċat l-imxijja Covid-19. L-imxijja kellha l-effett li tħaffef il-bżonn urġenti tal-bidla.

Jekk Edward Scicluna m’għandux il-ħila li jimmaġina ekonomija li ma tkunx dipendenti minn qasam wieħed bħalma hi llum, ikun aħjar jekk iwarrab u jagħmel il-wisa’ għal ħaddieħor. U dan il-ħaddieħor ċertament m’għandux ikun xi ħadd tal-istess pezza li hu ffissat fil-blockchain.