Il-proċess tal-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija ġdid sar aktar kumplikat milli qatt kien. Iżda wieħed seta’ jbassar min kien ser jinħatar. L-għażla ta’ Angelo Gafà ma kienitx sorpriża, bl-applikazzjoni ta’ pulizija li kien isawwat lis-sieħba tiegħu u li kien warrab skreditat, b’kollox. Dan huwa pajjiż tal-lagħba.
Il-proċess tal-għażla tal-kap tal-pulizija huwa mmexxi mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku li l-membri tagħha huma maħturin mill-prim ministru, u dawn naqqsu l-lista tal-applikanti għal tnejn u li minnhom il-prim ministru jkollu jagħżel wieħed.
L-għażla ta’ Angelo Gafà mhix aktar leġittima minn dik ta’ Lawrence Cutajar qablu. Jew ta’ Michael Cassar. Jew ta’ Peter Paul Zammit. Il-kummissarju tal-pulizija ser ikun l-għażla ta’ prim ministru li ħa r-riedni minflok Joseph Muscat li kien warrab skreditat, li kien il-klijent tiegħu u li sal-lum għadu qed jagħtih il-kenn. ,
Anki li kieku Angelo Gafà kellu jiddeċiedi li jaqbad il-barri minn qrunu, ser ikollu jservi għal sena sħiħa taħt probation u matul il-kors ta’ din is-sena jista’ jitkeċċa mill-kariga b’daqqa ta’ pinna. U jekk ma nafu xejn dwar Angelo Gafà, ċertament nafu li għandu talent għall-karriera li għażel. Huwa fatt ironkiu li bħalissa qed iservi bħala kap eżekuttiv tal-korp tal-pulizija, kariga li nħolqot biex tneħħi t-tagħbija tal-amministrazzjoni tal-korp minn fuq spallejn il-Kummissarju. Angelo Gafà kien kunsidrat bħala l-aħjar applikant biex jidħol għal din il-kariga u issa tela’ tarġa oħra u ser jieħu post il-Kummissarju preżenti.
Nistaqsi: kif ser iġib ruħu Angelo Gafà fil-konfront ta’ Lawrence Cutajar u fil-konfront tal-iskandlu li smajna bih f’dawn il-ġranet dwar kummissarju tal-pulizija jtarraf iwassal informazzjoni lill-kriminali minn wara dahar l-investigaturi ta’ taħtu?
Kif ser iġib ruħu fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u tal-mossa li dan għamel biex jibqa’ fir-Renju Unit? Tgħid Konrad Mizzi se jħossu komdu li jerġa’ lura lejn Malta?
Il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid kif ser iġib ruħu fil-konfront ta’ Keith Schembri, ta’ Chris Cardona u ta’ Joseph Muscat? L-investigazzjonijiet moribondi dwar il-Panama Papers ser jerġa’ jirxuxtahom? Bi ħsiebu jibda’ investigazzjonijiet dwar il-ħidma tal-Pilatus Bank u dwar l-iskandlu tal-Electrogas?
Bi ħsiebu jsaħħaħ ir-riżorsi għall-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia? Se jaċċetta s-sehem tal-Europol fl-investigazzjoni dwar il-qtil?
Kif ser jara li terġa’ tirrenja l-ordni fi ħdan il-korp tal-pulizija issa li qed inkomplu nisimgħu dwar intervisti li qed jagħtu uffiċjali tal-pulizija li fihom qed ifajjru akkużi ta’ korruzzjoni kontra xulxin?
Il-membri tal-korp ser jaraw fih bniedem eżemplari? L-ispjegazzjonijiet dgħajjfin li kien ta dwar il-mod kif sab ruħu fil-festin ta’ xi ħadd li huwa stess kien ħarrek fil-qorti ser jaslu biex jikkonvinċuna dwar l-integrità tiegħu? Ser ikollu l-ħila li juri li huwa bniedem ta’ eżempju aktar minn uħud li kkontestaw għall-kariga, li m’għandu xejn x’jaħbi, li qatt m’għamel ħsara f’proprjetà ta’ ħaddieħor, li qatt ma refa’ jdejh fuq martu u li m’hu ser ikun hemm xejn li jista’ jikkompromettieh?
Fl-aħħar mill-aħħar, inkunu nistgħu niġġudikawh bix-xogħol li jwettaq u bir-riżultati li jikseb. Il-mod kif intagħżel ma jimliniex b’ tant fiduċja li ser dan ikun differenti minn dawk li servew qablu u li servew wara John Rizzo.
Hawn minn igħid li iktar ma jinbidlu l-affarijiet, aktar jibqgħu l-istess.