Il-bulijiet tas-soltu reġgħu rħewlha għall-Facebook u qed jheddu lil kulħadd biex ara ma jmurx igħaddilhom minn rashom biex jibdew il-protesti fil-Belt Valletta. Il-faxxisti m’humiex kuntenti li l-attivisti għamlu sejħa biex in-nies tinġabar fil-Belt Valletta biex jitfakkar Lassana Cisse, raġel iswed li nqatel għal xejn b’xejn minn uffiċjali libsin l-uniformi.

Il-ġustizzja ma’ Lassana għadha ma saritx u dawk li huma mixlija bil-qtil tiegħu jinsabu bil-liberta proviżorja. Il-protesti huma leġittimi iżda t-theddid u l-insulti baqgħu hemm.

Araw il-mod kif Xandru Cassar u sħabu intefgħu fil-mira ta’ mibgħeda u ħdura liema bħalhom għaliex kellhom il-kuraġġ li jiġbdu l-attenzjoni li l-gvern jinsab marbut b’obbligu li jtella’ lill-immigranti lejn l-art u li, minflok, kien qed iżommhom maqfulin fuq laneċ fil-baħar.

Xandru Cassar u sħabu għandhom raġun jifirħu li l-gvern kellu jċedi. Il-gvern dan qatt m’hu ser jammettih iżda l-fatti huma li ma kienx iċedi li ma kienx għad-determinazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ qalbiena li jissieltu sakemm jirbħu.

Anġlu Farrugia għajjarna ‘immaturi’ talli f’Novembru u f’Diċembru li għadda pprotestajna kważi kuljum sakemm Joseph Muscat twarrab mis-siġġu tas-setgħa. Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u dawk li jappoġġjawhom qatt m’huma ser jammettu dak li tassew kienu qed iħossu dwar il-protesti tagħna.

Iżda Melvyn Theuma ammetta. Araw x’qal illum stess.

Jekk int kont wieħed minn dawk li kien jinġabar ma’ ġemgħa ta’ nies oħrajn kull 16 ta’ kull xahar fiż-żmien wara l-qtil ta’ Daphne, jekk int kont wieħed minn dawk li sfidajt lil dawk li ppruvaw iħebbu għal minn kien iqiegħed il-fjuri u x-xemgħat fis-sit tal-protesta quddiem il-bini tal-qorti u jekk int kont wieħed minn dawk li kont magħna fit-toroq f’Novembru u f’Diċembru, aqra dan kollu bi kburija.

Leħnek werwer lill-qattiela. Wieħed minnhom ammetta dan illum.

Ftakru li dawk li għadhom sal-lum igħadduha lixxa qed jittamaw li tibqgħu miġburin f’darkom.