Il-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni ddeċidew li jibbojkottjaw is-seduta parlamentari li ser tgħarbel in-nomina Angelo Gafà għall-kariga ta’ kummissarju tal-pulizija. Għalkemm kien hemm min ma qabilx mal-bojkott, nista’ nifhem il-għala ttieħdet din id-deċiżjoni. Kif naraha jien, jekk issir taf li int fiċ-ċentru ta’ ħadma, ikun aħjar jekk twarrab. Għax jekk int tipparteċipa f’ħadma, issir parti minnha u tkun kompliċi f’proċess intenzjonat li jgħaddi ż-żmien bin-nies.
M’hemmx dubju li – iva – Angelo Gafà għandu l-kwalifiki meħtieġa għalkemm, meta dan jiġi paragunat mal-kwalifiki tal-kandidata l-oħra li isimha kien fil-lista ta’ tnejn magħżulin mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, din il-kandidata hi aktar kwalifikata minnu. L-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo m’għandha ebda dell ta’ partiġġjaniżmu fuqha u għandha esperjenza ta’ 30 sena fix-xogħol tal-pulizija, d-doppju tal-esperjenza ta’ Gafà. Ir-rekord tagħha fl-economic crimes unit huwa wieħed dinjituż u effiċjenti. Esperjenza bħal din il-korp tal-pulizija ma jistax igħaddi mingħajrha meta wieħed jiftakar f’dak kollu li għaddewha lixxa dwaru Konrad Mizzi u Keith Schembri. U dan biex ma nsemmix lil Ali Sadr Hashemi Nejad u oħrajn. Barra minn hekk, m’għandha ebda tebgħa fuq ir-rekord tagħha tal-passat, ħaġa li ma tistax tingħad fil-konfront ta’ Angelo Gafà li diġà kellu jagħti xi spjegazzjonijiet dwar l-imġieba tiegħu tal-imgħoddi.
Hawn min jidhirlu li t-tibdiliet fil-metodu tal-ħatra tal-kummissarju tal-pulizija introduċew miżura ta’ meritokrazija qabel jibda’ l-aħħar stadju tal-proċess tal-ħatra. Dan l-argument m’huwiex wieħed sod għaliex il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku m’hix entità indipendenti daqs kemm wieħed għandu jistenna’ li għandha tkun. Nibdew biex, din il-Kummissjoni hi komposta minn persuni maħturin mill-Prim Ministru u jeżistu dubji dwar jekk l-aħħar żewġ kandidati li ntagħżlu biex itellqu sal-barkun kienux l-aħjar kandidati li kienu eliġibbli għall-ħatra. Iżda anki jekk il-proċess tal-għażla jingħata l-benefiċċju tad-dubju, ġaladarba l-esperjenza u r-rekord tal-aħħar żewġ kandidati jidher li ma ttiħdux in konsiderazzjoni, l-għażla aħħarija kienet waħda għal kollox arbitrarja u ttieħdet mill-prim ministru waħdu. U għandi nifhem li din l-għażla ssejset ukoll fuq il-konvenjenza tiegħu.
Għaldaqstant nista’ nimmaġina li l-Oppożizzjoni rat quddiemha opportunità biex tattakka dan il-proċess fil-Parlament stess. Iżda l-fatt huma li, ġaladarba l-kwistjoni hi dwar il-metodu tal-għażla ta’ Angelo Gafà, il-mistoqsijiet mhux lil Angelo Gafà jeħtieġ li jsiru, iżda lil dawk li ħatruh. Ċertament dawn ser jiġu jaqgħu u jqumu u din hi r-raġuni l-għala l-proċess m’hu xejn ħlief farsa għaliex kull mistoqsija li tista’ tagħmel l-Oppożizzjoni m’hi ser tibdel xejn.
Għaldaqstant ikun jeħtieġ li nassumu li Angelo Gafà ser ikun il-kummissarju tal-pulizija u, minflok nistaqsuh għaliex jidhirlu li kien l-aħjar kandidat għall-ħatra, jeħtieġ nistaqsuh x’bi ħsiebu jagħmel dakinhar li jinħatar f’din il-kariga. Il-ġimgħa li għaddiet, Melvyn Theuma stqarr fil-qorti li Mario Degiorgio, ħu l-aħwa Alfred u Ġorġ Degiorgio, kien qallu li Chris Cardona kien ħallas flus lil ħutu biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Chris Cardona qal li jista’ jkun li Melvyn Theuma qed jgħid il-verità dwar dak li qalulu, iżda dak li qalulu kien gidba. Il-bieraħ fil-qorti instema’ tape recording li kien sar minn wara dahar Yorgen Fenech u li fih Yorgen Fenech jinstema’ jgħid li Chris Cardona kien ħallas il-flus biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Jeħtieġ niftakru li dan m’huwiex xi xhud li qed jirrakkonta storja lill-pulizija bil-għan li jipperswadi ġurija biex jgħadduhielu lixxa. Din kienet konversazzjoni mqanqla li tinkludi ammissjonijiet ċari ta’ involviment fi qtil.
X’bi ħsiebu jagħmel Angelo Gafà dwar dan?
Ta’ qablu – bniedem li miegħu ħadem għal snin twal – irriżulta li kellu x’jaqsam ma’ persuna li hi suspettata li kellha sehem fil-konfoffa u li sa dakinhar kienet għadha ma’ ġietx arrestata, u dan biex jgħinha tgħaddiha lixxa. Huwa ċar li Lawrence Cutajar ma riedx li l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha u li jinqabdu dawk li qatlu lil Daphne.
X’bi ħsiebu jagħmel Angelo Gafà?
Biex iwieġeb mistoqsija bħal din, m’hemmx għalfejn joqgħod igħaddi minn għarbiel parlamentari. Din hi mistoqsija leġittima li jeħtieġ iweġibha kummissarju tal-pulizija li ma jġibx ruħu bħalma kien ġab ruħu Lawrence Cutajar li lill-istampa kien jaħrabha.
Li kieku numru ta’ xhieda kellhom isemmu lili jew lilek bħala kompliċi f’konfoffa fi qtil, x’kien jiġri?