Kien ikun ferm aħjar li kieku rabba xi ftit tal-esperjenza fit-tmexxija ta’ organizzazzjoni kwalunkwe qabel tgħabba bil-piż tal-ħatra bħala prim ministru u bħala mexxej tal-Partit Laburista.
L-imġieba tiegħu fil-konfront ta’ Chris Cardona qed tkun waħda dgħajjfa. Li kieku Robert Abela għamel żmien bħala president ta’ xi għaqda tal-kollezzjonisti tal-bolli jew ta’ xi klabb tal-boċċi, kien jasal biex jifhem li m’għandu qatt jagħmilha fatta li l-membri l-oħra tal-organizzazzjoni ser joqgħodu kif hu jkun jixtieq li jqiegħedhom. Setgħa bħal din teżisti biss fil-ħolm. Saħansitra anki min f’idejh ikollu poter assolut, lil dawk ta’ taħtu jkollu jidlikhom bix-xema’, jxaħħamhom, iheddidhom u jasal għal kompromessi magħhom biex iġiegħelhom joqgħodu għar-rieda tiegħu.
Il-gvern ta’ Robert Abela sar gvern li jmexxi skont dak li jkun jixtieq li jseħħ. Ilu ġranet sħaħ jipprova jserraħ l-irjus – kif ukoll rasu stess – li Chris Cardona ser jagħmel dak li l-partit tiegħu jistenna minnu. U peress li l-għażla kienet li jew jirriżenja minn deputat kap jew inkella jibqa’ f’postu, kliem il-prim ministru kien patetiku.
U l-bieraħ filgħodu Robert Abela deherlu li għandu jkomplu jagħfas: ‘Lil Chris Cardona għidtlu li nixtiequ jitlaq u hu ser iwarrab fis-sigħat li ġejjin’.
Il-boċċa s’issa għadha ma resqitx qrib biżżejjed tal-likk. U għaldaqstant ser ikollna nieħdu paċenzja u nistennew sakemm Robert Abela, hu u jimbotta għarqan xraba, jqarreb il-boċċa viċin biżżejjed.
Robert Abela mhux biss kien mingħalih li għandu s-setgħa jordna lil Chris Cardona x’għandu jagħmel. Jidher ukoll li l-manuvra ta’ Cardona baqa’ ma fehmhiex. Għaliex Chris Cardona m’hu xejn ħlief bomba tal-ħin li appik tisplodi.
Għall-mument, ejjew inwarrbu fil-ġenb il-kummiedji li kien għamel: kien ikun xurban regolarment waqt il-ħin tax-xogħol, kien isiefer safriet ta’ lussu imħallsin mill-gvern bħallikieku kien xi xejk Għarbi Sawdit taż-żejt, fil-konferenza tal-partit kien għamel diskors dwar daqqiet bil-mannara lill-avversarji politiċi, ħa doċċa kiesħa f’burdell iżda kellu biżżejjed enerġija għal avventura sesswali bejn tlieta, u l-bqija.
Robert Abela, għal ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma jrid lil Chris Cardona jwarrab minn deputat mexxej tal-Partit Laburista. Ir-raġuni li jridu jwarrab hi li Chris Cardona huwa taħt suspett li kellu xi involviment fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Qed inkun ġeneruż bl-użu tal-kelma ‘involviment’ għaliex ismu qed jissemma’ ta’ spiss fil-qorti b’rabta mal-ippjanar, mal-finanzjament u mat-twettiq tal-assassinju.
Veru li huwa kunsidrat innoċenti sakemm ma jiġix pruvat il-kuntrarju. Iżda l-Partit Laburista ċertament ma jistax ikompli bi Chris Cardona f’kariga importanti fi ħdanu bħallikieku ma ġara’ xejn.
Issa jista’ jagħti l-każ li, jien u nikteb, Chris Cardona jkun diġà tefa’ r-riżenja tiegħu. Jew inkella dan jista’ jseħħ “fis-sigħat li ġejjin”. Iżda huwa fatt li ma’ kull minuta li tgħaddi bi Chris Cardona fil-kariga, Robert Abela qed jidher dejjem aktar dgħajjef. Robert Abela diġà żbalja meta ddeċieda li jinnegozja ma’ Chris Cardona, bniedem li m’hu xejn ħlief terrorista. Jiġifieri huwa bniedem li mhux ser jaħsibha darbtejn li jibda’ jfajjar bil-mannara metaforika.
Robert Abela qed jipprova jirraġuna ma’ bniedem li m’għandux il-ħila li jirraġuna. Bi dgħjufija liema bħalha, qiegħed il-karti kollha fuq il-mejda u b’hekk stieden lil Chris Cardona biex ikompli jċekknu f’għajnejn il-poplu.
Għandi nifhem li għad jasal mument li fih Chris Cardona jkollu jwarrab. Iżda qed jagħmilha ċara li hu ser iwarrab meta jkun lest li jagħmel dan u mhux meta jordnalu Robert Abela.
Lil kieku l-PN ma’ kienx immexxi minn persuna li, b’paragun ma’ Robert Abela, huwa alternattiva fjakka, l-Partit Laburista bħalissa jinsab f’nofs ħuġġieġa. L-inkwiet li hemm fi ħdanu tarah b’għajnejk u tmissu b’idejk. U dawn qed jitqatlu bejniethom mhux dwar min ser jilħaq flok min. Qed iwaħħlu f’xulxin għall-korruzzjoni li twettqet tul dawn l-aħħar 7 snin u għall-assassinju li seħħ bl-iskop li x-xmara tax-xaħam tibqa’ għaddejja.
Chris Cardona m’huwiex biss jiġġieled biex iżomm is-setgħa. Qed jiġġieled ukoll biex ma jitlifx mill-impunità li gawda sal-lum.
Għaliex jekk jegħreq hu, ser ikun hemm bosta oħrajn – b’Robert Abela b’kollox – li ser jegħrqu miegħu.