Agħtu daqqa t’għajn lejn din l-istorja li xandret The Shift News dwar Lionel Gerada, disk-jockey li għamel isem hu u jwerżaq “Joseph!”, “Joseph!” fil-mass meetings tal-Labour.

Kien galoppin ta’ Konrad Mizzi. Issa l-ħallelin għandhom drawwa li jxommu lil xulxin minn seba’ mili bogħod u dawn it-tnejn kienu saru qaqoċċa. Lionel Gerada kien għoddu kielha l-għatba tal-qorti minħabba l-involviment tiegħu f’numru kbir ta’ kawżi dwar frodi: kien it-tip li jordna x-xogħol u jibqa’ ma jħallasx u li jiffalsifika dokumenti.

Bniedem b’karattru bħal dan kien wieħed ideali biex jorganizza l-manifestazzjonijiet pubbliċi tal-Awtorità tat-Turiżmu u fl-istess waqt iberbaq kemm jiflaħ miljuni.

Fil-Facebook tgħidx kemm ogħxa bil-ferħ għall-fatt li, dan is-sajf, Ibiza se tkun magħluqa minħabba l-imxijja Covid u għalhekk mhux ser ikun hemm ix-xalar tas-soltu. Skont Lionel Gerada: “Jeħtieġ li naħtfu din l-opportunità”.

Ferħan se jtir bil-problemi tas-saħħa li hemm f’Ibiza, iridna naħtfu din “l-opportunità” u qed jiċċelebra t-tbatija li għaddejjin minnha n-negozji f’din il-gżira kif ukoll l-eluf ta’ ħaddiema qiegħda li tgħidx kemm ser jiggustaw lil Lionel Gerada jferfer ġwinħajħ u jinqata’ mill-art mgħoxi bil-pjaċir.

Li kieku Lionel Gerada ġab ruħu b’dan il-mod għaliex in-negozju personali tiegħu ser igawdi minħabba t-tbatija tal-kompetituri f’Ibiza, din kienet tkun kwistjoni ta’ nuqqas ta’ grazzja. Tistgħu timmaġinaw sid ta’ ristorant li jdendel tabella mal-bieb tiegħu bil-kliem: “Issa jkollkom tieklu hawn għax ir-ristorant ta’ ħdejna inħakem minn nar f’inċident”.

Iżda jeħtieġ niftakru li Lionel Gerada huwa uffiċjal anzjan fil-bord tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta u għaldaqstant huwa uffiċjal tal-istat. U fejn għandu x’jaqsam dak li huwa jirreferi għalih bħala “music-related tourism”, huwa l-ambaxxatur ta’ Malta u promotur ewlieni. Fi kliem ieħor, jitkellem f’isimna.

Bl-imġieba tiegħu, Lionel Gerada pinġa lill-Maltin f’għajnejn ħaddieħor bħallikieku huma razza ta’ nies rgħiba għall-flus li jaħsbu biss fihom innifishom.

Dak hu li jiġri meta jkun xi ħadd bħal Konrad Mizzi li jagħżel lil min iqiegħed għall-ħatriet.