Fl-isfond tal-kontradizzjonijiet, l-iskużi, d-duħħan u d-dikjarazzjonijiet li saru l-bieraħ fil-Qorti, sirna nafu ħwejjeġ ġodda mix-xhieda li ta Keith Schembri.
Lejlet dakinhar li Yorgen Fenech ittanta li jaħrab permezz tal-lanċa lussuża tiegħu, Keith Schembri qal li għamel madwar 24 minuta ma’ Yorgen Fenech fuq it-telefon u pprova jipperswadih li jibqa’ Malta. Qallu li jekk jaħrab, kien ser jattira ħafna mill-attenzjoni għal fuqu. Iżda, milli jidher, ma qallux li kienu ser jarrestawh jekk jittanta jaħrab.
Smajna wkoll li Keith Schembri mexa’ fuq ordnijiet ta’ Joseph Muscat.
Dan xejn ma jagħmel sens. Kif spjega kontra qalbu Keith Schembri, lill-prim ministru s-servizzi tas-sigurtà qalulu kienu nfurmati li Yorgen Fenech kien bi ħsiebu jaħrab mill-pajjiż. Għaliex? Jaqaw din hi xi proċedura tas-soltu kull darba l-pulizija jkollha suspett li xi ħadd ikun bi ħsiebu jaħrab minn Malta? Għaliex ma qabdux u ġabruh mingħajr l-intervent tal-prim ministru? Għaliex ma stennewħx f’Portomaso biex jarrestawh hu u ħiereġ mill-port? Stennew ftit. Fil-fatt hekk għamlu. Allura għaliex daħal fil-kredu l-prim ministru?
U x’inhi din il-biċċa li jkollna prim ministru li jagħti l-pariri lil bniedem maħrub dwar kif ser jidher f’għajnejn in-nies li kieku kellu jaħrab? Dawn il-pariri b’xi mod għenu biex jitħaffef il-kors tal-ġustizzja?
Ma jidhirx li hu l-każ.
M’għandniex xi ngħidu, għalissa ser ikollna nikkuntentaw bil-verżjoni ta’ Keith Schembri dwar dak li ntqal fuq it-telefon. Jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi għandna mnejn insiru nafu bil-verżjoni ta’ Yorgen Fenech li x’aktarx għandha tkun verżjoni għal kollox differenti.
Bħalissa qed ngħaddu minn dak li jgħaddu l-ġurati huma jtellgħu u jniżżlu dwar liema verżjoni għandha titwemmen. Qed nisimgħu verżjonijiet differenti tal-verità li fil-fatt qed iservu biex jaljenaw mir-realtà. U qed nisimgħu ukoll ħafna gideb.
X’inhuma l-fatti?
Sar diskors bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech tard bil-lejl għal madwar 24 minuta permezz tat-telefon. Xi ftit tal-ħin wara, Yorgen Fenech telaq mill-Portomaso permezz tal-lanċa tiegħu. Aktar tard dakinhar, Yorgen Fenech ġie arrestat. Għaxart ijiem wara ġie mixli bi qtil.
Meta ġie arrestat, Yorgen Fenech stqarr li Keith Schembri kien b’ruħu u ġismu fil-konfoffa kriminali li kienet inħmiet biex tiġi assassinata Daphne Caruana Galizia. Meta kien ġie arrestat Keith Schembri, l-pulizija talbitu jgħaddilha l-mobile tiegħu u dan qal li kien tilfu.
Dawn huma fatti.
Xi stqarr Keith Schembri dwar dak li suppost intqal f’din it-telefonata li damet 24 minuta? Dak li qal mhux biss ma jistax jiġi verifikat. Iżda lanqas jista’ jitwemmen.
Ikun aktar faċli li wieħed jifhem li Joseph Muscat kien fehem li Yorgen Fenech kien appik li jiġi arrestat. X’aktarx li xi ħabib leali fi ħdan il-Pulizija nfurmah dwar dan għaliex dan il-ħabib fehem li l-arrest ta’ Yorgen Fenech seta’ jwassal biex jaqa’ l-gvern ta’ Joseph Muscat. U forsi anki agħar minn hekk.
Joseph Muscat kien jeħtieġlu jipperswadi lil Yorgen Fenech biex jaħrab u assuma – x’aktarx korrettement – li seta’ juża’ r-relazzjoni li kellu Keith Schembri ma’ Yorgen Fenech biex tiġi rranġata l-ħarba.
Keith Schembri ċempel lil Yorgen Fenech u lil dan fehemu li, jekk dan jiġi arrestat, it-torri tagħhom kien ser jiġġarrfilhom.
U li għalhekk kien jeħtieġ li Yorgen Fenech jaħrab malajr, għaliex wara l-arrest tiegħu, Keith Schembri ma setax ikunlu ta’ aktar għajnuna.
Yorgen Fenech ma leħaqx ħarab minn Malta.
Ma’ kull tarġa li nitilgħu f’din il-konfoffa kriminali, dlonk titfaċċa tarġa aktar għolja minn ta’ qabilha. Il-Koħħu, li kien fin-naħa t’isfel tal-konfoffa kriminali, kien ipponta subgħajh lejn Melvyn Theuma. Minn naħa tiegħu Melvyn Theuma pponta subgħajh lejn Yorgen Fenech. U Yorgen Fenech qal li kien Keith Schembri li daħħlu fil-basla.
U issa, għall-ewwel darba, smajna lil Keith Schembri jixhed. U lil min daħħal fil-kredu? Lil Joseph Muscat.
Fadlilna x’nomgħodu.