Victoria Buttigieg għadha kemm inħatret biex tieħu post Peter Grech bħala Avukat Ġenerali. Hawn min jgħid li t-tewmija ta’ Peter Grech ingħatat il-ħatra li dan kellu.
Ser nispjega l-għala din il-ħatra hi waħda diżastruża għall-aħħar.
Il-Kummissjoni ta’ Venezja kienet issuġġerietilna li għandna nifirdu ż-żewġ rwoli tal- Avukat Ġenerali minn ma’ xulxin. L-Avukat Ġenerali kien jaġixxi ta’ prosekutur ewlieni u avukat ewlieni tal-gvern. Għal żmien twil, din is-sistema ħadmet mingħajr skossi kbar. Iżda meta l-kriminalità ħakmet lill-istituzzjonijiet tal-gvern b’mod li qatt ma rajna bħalu f’pajjiżna, l-Avukat Ġenerali spiċċa paralizzat bejn iż-żewġ rwoli. Kien il-konsulent ta’ dawk li għandu jmexxi kontrihom bil-qorti u għaldaqstant ma setgħax imexxi kontra dawk li lilhom kien jagħti l-pariri.
Bosta kienu dawk li waħħlu fil-fatt li ż-żewġ rwoli kienu opposti għal xulxin. Iżda din il-paraliżi kienet tort tal-fatt li Peter Grech huwa bniedem bla sinsla. Madankollu l-ħsieb kien li ż-żewġ rwoli kellhom jinfirdu minn ma’ xulxin u dan biex jiġi żgurat li l-avukat tal-gvern ma jkunx ukoll l-istess avukat li jiddeċiedi għandux imexxi bil-qorti kontra ministri tal-gvern. U għaldaqstant ġie deċiż li dan ix-xogħol għandu jitwettaq mill-Prosekutur Ewlieni, kariga ġdida li nħolqot bl-istess mod kif Eva nħolqot bis-saħħa tal-kustilja ta’ Adam.
Dak iż-żmien, Victoria Buttigieg li kienet taqdi dmirijiet ta’ Deputat Avukat Ġenerali, nħatret bħala Prosekutur Ewlieni. Victoria Buttigieg ma kienitx taħdem fil-kamp tal-liġi kriminali meta kienet għadha fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ħadmet fil-rwol ta’ avukat tal-gvern – rwol li kompliet taħdem fih fix-xogħol il-ġdid tagħha.
Mil-lum ‘il quddiem, Victoria Buttigieg ser terġa’ tibda’ taħdem mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala Avukat Ġenerali u Prosekutur Ewlieni.
Matthew Caruana Galizia, li fil-pussess tiegħu għandu numru kbir ta’ e-mails tal-Electrogas li kienu ġew mgħoddija lil ommu ftit qabel ġiet assassinata u li għamel sentejn sħaħ jiflihom sewwa, għadu kemm xandar estratt li minnu jirriżulta li Victoria Buttigieg kienet tat parir lill-gvern dwar dak li kienet ħasset li kien fl-interess tal-gvern li tagħti u li permezz tiegħu għenet biex setgħet titħaffef il-konklużjoni tal-kuntratt korrott li l-gvern għamel mal-Electrogas.
Matthew Caruana Galizia spjega li, bis-saħħa tal-“opinjoni” ta’ Victoria Buttigieg”, Konrad Mizzi għadda biex iffirma l-kuntratt tal-Electrogas minn wara dahar il-kabinett u minn wara dahar il-Parlament. Din kienet ir-raġuni l-għala dawk il-ministri kollha – ewlieni fosthom Edward Scicluna – stqarrew li huma bħala gvern qatt ma kienu ddiskutew u approvaw il-kuntratt tal-Electrogas.
Din hi r-raġuni l-għala, fl-inkjesta pubblika, tant qed ikun hemm persuni jaħslu idejhom bħal Pilatu fejn għandu x’jaqsam it-taħwid u t-tbażwir ta’ Konrad Mizzi.
Il-għala dan kollu huwa kunsidrat bħala punt importanti? Għaliex il-provi li rrefera għalihom Matthew Caruana Galizia huma ta’ importanza fundamentali għall-każ tal-prosekuzzjoni kontra Yorgen Fenech. L-Electrogas kien appuntu l-motiv wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. L-e-mails li kienu ġew f’idejha qabel inqatlet huma prova tal-korruzzjoni li kellhom jitgħattew permezz tal-qtil tagħha. U f’dan il-każ Matthew Caruana Galizia, aktar milli hu iben il-vittma, hu wkoll parti interessata għaliex huwa xhud tal-prosekuzzjoni: l-istess persuna li jista’ jipprovdi l-provi tal-e-mails li ommu kienet irċieviet u liema e-mails il-qattiela tagħha riedu jostru.
Victoria Buttigieg, bħala prosekutur ewlieni, tissemma’ f’dawk l-e-mails u issa, b’mod inaċċettabbli, tinsab qrib l-aktar każ kriminali importanti li pajjiżna qatt kellu ma’ wiċċu.
Issa erġajna għas-sitwazzjoni li fiha r-rwol ta’ Victoria Buttigieg bħala avukat tal-gvern (meta kienet qed tagħti pariri lil Konrad Mizzi dwar kif dan seta’ jiffirma l-kuntratt tal-Electrogas minn wara dahar il-kabinett u l-Parlament) jinsab f’kunflitt mar-rwol tagħha bħala prosekutur (rwol li permezz tiegħu, fil-każ kontra Yorgen Fenech, suppost għandha tressaq provi li l-korruzzjoni marbuta mal-kuntratt tal-Electrogas kien il-motiv ewlieni u li wasslu għat-tqabbid ta’ Melvyn Theuma u l-mezz li bih kellhom jitħallsu l-assassini).
Il-kunflitt huwa lampanti. L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali m’huwiex wieħed imdaqqas u l-avukati li jaħdmu f’dan l-uffiċċju jkunu nfurmati dwar ix-xogħol li jkunu qed jaħdmu fuqu individwalment.
Jien ngħid li, minħabba l-involviment tagħha fil-kuntratt tal-Electrogas, Buttigieg ma messhiex applikat biex tingħata din il-ħatra. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni li tingħata l-ħatra kienet tal-gvern. U kien dan l-istess gvern li għaffeġ taħt saqajh l-ispirtu tar-raġuni wara d-dħul tat-tibdiliet kostituzzjonali li bis-saħħa tagħhom infirdu r-rwoli tal-Avukat Ġenerali meta ħatar lil persuna li tinsab fiċ-ċentru ta’ dan il-kunflitt.
Dakinhar li tixxandar aktar informazzjoni mill-e-mails tal-Electrogas – bħal, per eżempju, meta sirna nafu li l-gvern kien ġiegħel lill-Enemalta titgħabba b’dejn ta’ €40 miljun li proprjament kellhom jitħallsu mill-Electrogas, u li issa sirna nafu li kienu Peter Grech u Victoria Buttigieg li għenu lil Konrad Mizzi jevita l-iskrutinju ta’ sħabu tal-kabinett – ser nifhmu aħjar kemm fil-fatt kienu jaħarqu dawk l-e-mails.
Jista’ jkun li Daphne Caruana Galizia ma kienitx laħqet saret taf kemm kien hemm informazzjoni taħraq f’dawk l-e-mails. Iżda Yorgen Fenech ċertament kien jaf u kellu kull motiv biex jipprova jostorhom. Wara l-għajnuna kollha li kien kiseb mingħand “ħutu” Joseph Muscat u Keith Schembri, jew mingħand dawk li gawdew bħal Konrad Mizzi u mpjegati tas-servizz ċivili li, tajjeb jew ħażin, kellhom ħeġġa kbira biex jaqdu lill-imgħallmin politiċi tagħhom, ġurnalista formidabbli li ma kienx bi ħsiebha tiskot kienet ser tagħmlilhom kollox suf.
U għaldaqstant ddeċidew li jeħilsu minnha.
Iżda l-borma fuq tlieta toqgħod. L-e-mails kixfu mhux biss dak li kien qed jagħmel Yorgen Fenech, iżda wkoll dak li kienu qed jagħmlu l-kompliċi tiegħu kif ukoll dawk li servew ta’ staffa għall-iskopijiet tiegħu.
U issa, minn waħda mill-e-mails, kellna nsiru nafu li waħda minn dawn kienet il-prosekutur ewlieni tal-pajjiż.
Kif ser noħorġu minn kobba mħabbla bħal din?