Robert Abela tmeżmeż meta Jacob Borg staqsieh mistoqsijiet dwar Joseph Muscat. Huwa wieġeb li m’għandux ikun hemm aktar konsegwenzi għal Muscat wara li kienu nkixfu l-istejjer dwar l-imġieba tiegħu meta kien għadu prim ministru. Huwa warrab, Abela qal lill-ġurnalist u għaldaqstant kien “ħallas il-prezz” li kellu jħallas.
Jaqbdek id-daħk meta tisma’ persuni li għandhom karigi għolja jitkellmu bħallikieku dawn il-karigi jappartjenu lilhom personalment. Min jinqabad igħatti x-xtur ta’ ħassiel tal-flus, għax forsi min ikun qed igħatti jkun qed igawdi wkoll, lill-imħallef ma tkunx tista’ tgħidlu li ma jistax jitfgħek il-ħabs għax warrabt mill-kariga. Iġiegħlek tiekol ikla ħabs xorta waħda.
Issa għadna daqsxejn lura milli nsiru nafu Joseph Muscat ħaqqux din l-ikla ħabs. X’aktarx li bħalissa lil uliedu qed jgħidilhom bid-dmugħ f’għajnejh li jien bniedem imxajtan għaliex semmejt il-possibilità li jiekol ikla ħabs. Kulma qed ngħid hu li l-liġi għandha tgħodd għal kulħadd l-istess u li Joseph Muscat għandu jiffaċċja l-konsegwenzi mingħajr ma jingħata kenn jew privileġġi mill-Partit Laburista u mill-Parlament.
Iżda hawn qed nitkellmu mhux daqstant dwar Joseph Muscat. Qed nitkellmu dwar kif jifhem Robert Abela li għandha tissarraf il-kontabilità. Meta politiku jagħżel li jwarrab mill-ħajja pubblika, dan ma jingħatax dritt awtomatiku li jinħafrulu d-delitti kriminali li seta’ wettaq waqt li kien fil-kariga. Għaliex jeħtieġ nifhmu li l-liġi, skond kif fehemha l-Partit Laburista tul dawn l-aħħar 7 snin, ma tgħoddx għalihom bħal ma tgħodd għal ħaddieħor.
Hu u jwieġeb lil Jacob Borg dwar Joseph Muscat, Robert Abela staqsa lill-ġurnalist il-għala ma staqsieħx dwar Bernard Grech. Għaliex, skont Abela, Grech diġà qed jiġri barra minkejja l-fatt li kien mistenni minnu li jkun f’kworantina. Jaqaw Bernard Grech mingħalih li l-liġijiet ma jgħoddux għalih, staqsa Abela?
Sur Prim Ministru jaqaw insejt li int il-kap tal-gvern u li l-Pulizija huma kontabbli lejk? Bernard Grech kiser il-liġijiet? Jekk iva, x’int tistenna biex tressqu l-qorti? Tgħid għaliex l-istituzzjonijiet, skont int, qed “jaħdmu”?
Bernard Grech stqarr li hu ma kienx taħt kworantina iżda li iżola ruħu volontarjament sakemm joħorġu r-riżultati tat-testijiet. Jekk din l-istqarrija hi minnha, Grech issa għandu l-privileġġ dubjuż li ġie malafamat minn prim ministru.
U ġie malafamat minn prim ministru li ta’ spiss wera’ kemm jiġi jaqa’ u jqum mill-liġijiet ta’ kontra l-imxijja Covid. Fiż-żmien meta konna maqfulin fi djarna, Robert Abela kien ivvjaġġa lejn il-Libja u deher igħannaq u jbus uffiċjali ta’ hemmhekk u mbagħad reġa vvjaġġa lura Malta u daħal għax-xogħol mingħajr ma ħabbel rasu dwar il-ħtieġa tal-iżolament sanzjonata mil-liġijiet li għadda hu stess.
Meta wasal lura Malta minn waħda mill-btajjel li għamel bil-lanċa tiegħu lejn Sqallija, huwa baqa’ sejjer l-isptar biex jippoża għar-ritratti. U waqt l-intervista li għamillu Jacob Borg, ma kienx liebes maskra u ma żammx id-distanza ta’ żewġ metri minnu. U meta jilbes il-maskra, ħafna drabi mnieħru ma jgħattiħx.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-ritratt meħud fi tmiem il-ġimgħa fejn jidher jippoża mal-membri tal-grupp parlamentari tal-partit tiegħu.
Joseph Muscat ma jidhirx b’nemes. Iżda jidher ukoll li dan huwa grupp li kkonsista f’aktar minn 15 il-ruħ li ma jgħixux taħt l-istess saqaf u li nġabru flimkien bi ksur tal-liġi dwar Standards for Gatherings and Events li xandar il-gvern tagħhom stess. Barra minn dan, jidher li ma żammewx 2 metri bogħod minn xulxin u dan bi ksur tar-regolamenti Guidelines for offices and workspaces, ukoll imfassal mill-gvern tagħhom
Jista’ jagħti l-każ li Bernard Grech kien qed isegwi l-liġijiet divini Robert Abela.
U waqt li kien qed jipprova jiżloq mill-mistoqsijiet ta’ Jacob Borg, Robert Abela żelqitlu stqarrija oħra.
“Joseph Muscat ħallas il-prezz li kellu jħallas. Huwa kien il-prim ministru ta’ dan il-pajjiż u f’Novembru ttiħditlu deċiżjoni li kellu jwarrab fit-13 ta’ Jannar”.
“Ittieħditlu deċiżjoni li kellu jwarrab”. Innutaw li ma qalx li “Joseph Muscat iddeċieda li jwarrab”. Id-deċiżjoni ttieħdet minn ħaddieħor. Lil Robert Abela din żelqiltu minn ħalqu mingħajr ma ntebaħ. Din hi l-ewwel darba li fiha l-mexxej Laburista kkonferma li Joseph Muscat kien gideb meta kien stqarr li f’Jannar li għadda huwa warrab minn jeddu. Il-verita hi li Joseph Muscat tkeċċa. Il-“prezz” li kien ħallas, tħallas minnu kontra qalbu.
Dan m’huwiex kollox.