Żgur m’għandniex għalfejn noqgħodu niskantaw li x-xettiċimu fil-konfront tal-awtoritiajiet issa qed jinbidel f’nuqqas ta’ dixxerniment dwar l-għejjun li għandhom jiġu fdati.
Nieħdu l-każ tal-anzjani minn San Ġwann. Ftit anqas minn sena ilu, lil dawn kienu qalulhom biex ma joħorġux minn darhom. Dan sakemm is-Sindku ġietu l-idea sublimi li jlaqqagħhom flimkien biex jilgħabu t-tombla, bħalma kienu jagħmlu sa ftit ilu. X’imkien qrajt diversi kummenti ta’ erba’ ħelwin li kitbu li l-anzjani li marru għat-tombla u mbagħad inħakmu mill-imxijja, stednuha b’idejhom. Wara kollox, l-awtoritajiet ilhom għal xhur sħaħ iwissuhom biex ma jiċċaqalqux minn darhom u biex ma jitħalltux ma’ nies li ma jgħixux magħhom.
Għaliex għandna nistennew li l-pariri li nisimgħu minn fuq it-televiżjoni mingħand persuni li ma nafuhomx għandhom igħoddu aktar mill-pariri li jagħti l-ewwel ċittadin tal-lokalità? Għaliex għandna nistennew li kulħadd huwa espert biżżejjed biex jiddeċiedi min huwa tassew l-espert?
Robert Abela qed iwiegħed li s-sena 2021 ser tkun “waħda mill-aqwa snin”. Iżda, ftit wara, Chris Fearne wissiena li m’għandniex nistennew li jkollna l-immunità mill-imxijja “qabel tmiem is-sajf”. Jiġifieri sa tmiem is-sajf ser ikollna nibqgħu ngħixu bir-restrizzjonijiet li s-sena 2020 għamluha waħda mill-agħar snin li qatt kellna.
Dan ċertament m’huwiex it-tort ta’ Chris Fearne. Madankollu jidher li, minħabba l-ineffiċjenza, nuqqas ta’ ambizzjoni u nuqqas ta’ għodda, m’hux qed isir sforz biżżejjed biex il-vaċċin jintlaħaq mill-akbar numru ta’ persuni possibbli fl-inqas żmien.
Mhux tort ta’ Chris Fearne li l-prim ministru tiegħu qed jintilef fil-ħolm u fid-delużjonijiet. Jekk jibqa’ sejjer hekk, dalwaqt ser jgħidilna biex intaqqbu l-vini tagħna bid-deterġent u li fil-pajjiż kollox ward u żahar.
In-nies għaliex għandha toqgħod tagħżel għandhiex temmen lill-prim ministru jew inkella lid-deputat tiegħu? X’qed iżommhom milli jemmnu diskors inkompetenti mimli ottimiżmu li hu wkoll miksi b’eżiġenzi ta’ urġenza elettorali?
Għaliex m’għandniex niskantaw jekk in-nies tagħżel li toqgħod fuq dak li jgħidilha Robert Abela dwar is-saħħa pubblika?
Kunu afu li dan il-ġenn m’huwiex limitat għall-imxijja.
Ftit wara li leħaq bħala kummissarju tal-pulizija, Anġlu Gafà stqarr li ried jerġa’ jrodd lura l-fiduċja li l-pubbliku darba kellu fil-korp tal-pulizija. Huwa wiegħed li, fejn ikun jeħtieġ, kienu ser iseħħu l-arresti u l-prosekuzzjonijiet ta’ rjus kbar. Kellna għalxiex ma nemmnuħx? Għaliex m’għandniex nistennew li l-kummissarju jżomm kelmtu magħna? Iżda l-verità hi li sal-lum ħadd minn dawn l-irjus kbar ma ttella’ l-Qorti u ma kull ġurnata li tgħaddi qed jikbru d-dubji dwar jekk din l-istituzzjoni għandhiex interess ġenwin jew le li tara li sseħħ il-ġustizzja.
Araw ftit kif sieħbu Simon Mercieca qed jinqeda’ bil-kredibilità akkademika tiegħu biex ibella’ lin-nies it-teoriji konġurali tiegħu, kemm jekk dawn ikunu jittrattaw dwar frame-up fuq Yorgen Fenech jew dwar il-firxa tan-nanobots ta’ Bill Gates fil-vaċċin kontra mxijja falza. Huwa minnu li Joseph Goebbels saħansitra kellu PhD minn Heidelberg. Iżda għaliex għandna nistennew li n-nies m’għandhiex toqgħod fuq l-għerf ta’ min ikun mgħallem?
Li qed jiġri hu li l-politiċi qed jagħtu lin-nies kull raġun, mhux biss biex ma temminhomx, iżda biex ma temminx lil kull min hu politiku jew għandu xi awtorità pubblika. Jekk ikun hemm tobba li b’reputazzjoni li, għall-pazjenti tagħhom, jagħżlu biss dawk il-mediċini maħduma minn kumpanniji li jxaħħmuhom, in-nies tibda’ titlef il-fiduċja.
U meta pajjiż ikun mimli sa ruħ ommu b’politiċi giddiebin, in-nies tibda’ tistaqsi lilha nnifisha jekk id-demokrazija tkunx għadha meħtieġa.
Qed nistiednu inkwiet serju.