Fil-qorti xhud tal-prosekuzzjoni xehed li ministru preżenti tal-gvern kien ta l-għajnuna tiegħu lil grupp ta’ kriminali f’delitt. Il-bieraħ jien ktibt li seta’ kien qed jirreferi għas-serqa li seħħet fl-2010 fl-HSBC kif ukoll għall-Ministru Carmelo Abela li dak iż-żmien kien deputat parlamentari tal-Oppożizzjoni u manager fl-istess bank.
Kif wieħed seta’ jistenna, l-ġurnalisti ma żammewx lura u għamlu sensiela ta’ mistoqsijiet lill-prim ministru. ‘Huwa minnu li ministru tal-gvern kien kompliċi ma’ kriminali fit-twettiq ta’ delitt serju?’ ‘Taf min hu dan il-ministru?’ ‘X’bi ħsiebek tagħmel dwar din il-kwistjoni?’
Robert Abela għamel tabirruħu li kien sorpriż. Kien ilu jaf għal xhur sħaħ li din l-aħbar minn ħin għall-ieħor kienet ser tfeġġ. X’aktarx kien jaf qabel leħaq prim ministru. Jeħtieġ niftakru li Robert Abela kien l-avukat tal-aħwa tal-Maksar.
Nagħmlu parentesi żgħira.
Issa jien naf li kulħadd għandu d-dritt li jqabbad avukat biex jirrappreżentah. Iżda minn meta ‘l hawn sirna daqshekk insensittivi li bħal donnu ħadd ma jitwaħħax meta jintebaħ li dawn il-qattiela li għandhom rabtiet ma’ xibka tal-kriminalità mafjuża f’pajjiżi oħra u li jimpurtaw f’Malta bombi u armi speċjali biex joqtlu lin-nies, kellhom lill-prim ministru tagħna bħala l-avukat tagħhom? Tistgħu timmaġinaw x’kien jiġri li kieku storja bħal din seħħet band’oħra? Tistgħu qatt timmaġinaw lill-Ġermanja b’Kanċillier li kien jirrappreżenta qattiela feroċi tal-mafja fil-qorti?
Nagħlqu l-parentesi.
Robert Abela jiġi mistoqsi x’għamel meta sar jaf li xhud – persuna li ngħatat maħfra dwar il-qtil ta’ avukat – xehed fil-qorti li membru tal-kabinett tiegħu kien kompliċi biex twettaq delitt kriminali. Ftakru dejjem li hawn qed nitħaddtu dwar serqa bl-armi minn bank.
Quddiem biżibilju ta’ kameras u ta’ mikrofoni Robert Abela wieġeb billi ddikjara li huwa kien talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jidentifika l-persuna li tkellem dwarha l-Koħħu.
X’fettillu wieġeb b’dan il-mod?
Tgħid il-prim ministru ried ibellagħha li din kienet l-ewwel darba li l-Kummissarju sema’ li l-Koħħu seta’ jidentifika ministru tal-kabinett f’dan il-kuntest? Jekk dan tassew huwa l-każ, allura l-prim ministru qed jammetti li l-Pulizija kienet naqset li tagħmel xogħolha sewwa u naqset li tivverifika l-informazzjoni li għandu l-Koħħu qabel aċċettat li jingħata piena mnaqqsa għad-delitt ta’ qtil u maħfra sħiħa għad-delitt ieħor ta’ qtil. Jeħtieġ niftakru li l-maħfra kienet ingħatat b’deċiżjoni tal-kabinett tal-ministri u għaldaqstant il-ministri – ewlieni fosthom Robert Abela – kienu kunfidenti li l-Pulizija kienet taf x’kienet qed tagħmel qabel ma ġie deċiż li tinħareġ il-maħfra.
Mill-banda l-oħra, ma nagħmlux mod li l-prim ministru qed jissuġġerixxi li, minkejja l-fatt li l-Kummissarju kien ilu jaf li l-Koħħu kien semma’ l-involviment ta’ ministru tal-gvern f’delitt kriminali, sal-bieraħ dan baqa’ m’għamel xejn? Jekk dan huwa l-każ, allura l-prim ministru qed jarmi l-baħar anki l-awtonomija li suppost għandhom il-Pulizija u qed jissuġġerixxi li, minflok ifittxu l-verità, l-Pulizija jippreferu jistennew li jaslu l-ordnijiet mingħand il-prim ministru.
Il-fatt li Robert Abela wasal pubblikament biex joħroġ ordni lil Anġlu Gafà m’hi xejn ħlief prova li l-prim ministru tagħna jinsab liebes żarbun li ma jiġieħx. Robert Abela m’huwiex l-imgħallem ta’ Anġlu Gafà. Ma jistax jordnalu lil min għandu jinvestiga u lil min m’għandux jinvestiga.
Mill-banda l-oħra, Robert Abela huwa l-imgħallem ta’ kull “ministru preżenti” u għaldaqstant mhux biss għandu kull dritt joħroġ l-ordnijiet iżda huwa wkoll fid-dmir li jagħti direzzjoni lill-kabinett kollu. Lil kull ministru, l-prim ministru talbu jagħmel dikjarazzjoni li l-Koħħu ma kienx qed jirreferi għalih? Lil Carmelo Abela talbu jagħmilha din id-dikjarazzjoni? Sodisfatt bit-tweġiba li ngħata?
Dan kien li messu qalilna l-bieraħ Robert Abela: li malli sar jaf b’dak li xehed il-Koħħu fil-qorti, lill-ministri – li flimkien magħhom kien iddeċieda li jagħtih maħfra għall-qtil ta’ Carmel Chircop – talabhom jiddikjaraw li l-Koħħu ma kienx qed jirreferi għal xi wieħed minnhom.
Jidher li m’għamel xejn minn dan kollu. U x’aktarx naqas li jagħmel dan għaliex huwa stess ma jemminx lil wieħed mill-ministri tiegħu, jiċħad kemm ikollu l-ħila jiċħad. Tabilħaqq jeżistu xi vantaġġi meta jkollok prim ministru li fl-imgħoddi kien l-avukat tal-Koħħu u tal-kompliċi tiegħu.
Lil Robert Abela, Anġlu Gafà kif ser iwieġbu? Ser igħidlu li, minkejja dak li xehed il-Koħħu, l-Pulizija m’għandhiex f’idejha provi ammissibbli. X’aktarx ser igħidlu wkoll li, biex il-boċċa titressaq aktar qrib il-likk, ikun jeħtieġ li l-Koħħu jingħata l-maħfra wkoll għas-serqa fl-HSBC. Iżda ser igħidlu wkoll li l-Pulizija m’hix favur li tingħata din il-maħfra għaliex il-każ wasal biex ikun preskritt u li ma jidhirx li hemm provi li jistgħu jikkorroboraw dak li allega l-Koħħu dwar l-involviment ta’ Ministru tal-gvern.
U għal darb’oħra, f’każ politiku serju ta’ infiltrazzjoni mafjuża fix-xogħol tal-gvern, ser naraw salt tfettiq forensiku li m’hu ser iwassalna għal ebda konklużjoni dwar il-kwalità ta’ fibra morali li jkunu jeħtieġu l-politiċi li jingħażlu biex imexxu lill-pajjiż.
Kif kien stqarr Carmelo Abela f’Novembru li għadda fl-isfond ta’ rimarki li kien għamel Jason Azzopardi waqt intervista fuq ir-radju: dawn jibqgħu biss “allegazzjonijiet”.
Tiftakru meta fi Frar 2016 Joseph Muscat sab ma’ wiċċu “allegazzjonijiet” li ministru u l-id il-leminija tiegħu kienu wettqu delitti finanzjarji? Dakinhar ma kienx refa’ responsabbiltajiet tiegħu bħala l-imgħallem tagħhom. Mhux biss ma sfidahomx, iżda lanqas ażżarda jkeċċihom. Tahom il-kenn u żammhom f’posthom sakemm, f’Novembru 2019, kellu jegħreq magħhom. Dakinhar konna wkoll wasalna għall-konklużjoni li Joseph Muscat kien kompliċi magħhom u għaldaqstant, lanqas li kieku ried, ma setgħax ikeċċihom.
Issa għandna lil Robert Abela li ma’ wiċċu għandu “allegazzjonijiet” li wieħed mill-ministri tiegħu kien kompliċi f’serqa minn bank. Lil dan il-ministru qed jisfidah biex jagħtih spjegazzjoni? Ingħata spjegazzjoni? Jekk ma ngħatax spjegazzjoni, ser ikeċċieh?
U żgur li le.
Kines kollox għal fuq spallejn Anġlu Gafà.
Iżda Anġlu Gafà ma jaħtarx il-ministri hu. Jaħtarhom Robert Abela.
Sa fejn nafu aħna.