Il-ħajja komunitarja ma tikkonċernax biss id-dar u x-xogħol. Ma tikkonċernax biss il-flus – anki l-flus li nonfqu biex inħallsu lil dawk li jipprovdulna d-divertiment. Il-ħajja fil-komunità tfisser imġieba u azzjonijiet li jsiru għalenija minn nies li jsarrfu biex jinħoloq il-ġid għal kulħadd.
Hemm uħud li jivvolontarjaw biex igħinu lil min hu fil-bżonn u lil dawk li fis-soċjetà jsibu ruħħom emarġinati. Oħrajn igħinu lill-foqra u lil dawk li jgħixu weħidhom. Hemm ukoll minn igħin lill-morda u li jiġbor il-flus biex tkun tista’ titħallas il-kura medika.
Iżda hemm ukoll min jivvolontarja ħinu u flusu b’riżq il-kultura u l-folklor. Issa jista’ jkun li int m’intix interessat f’dan kollu. Iżda wieħed ma jistax ma jinnutax id-dedikazzjoni ta’ dawk li jorganizzaw il-festi fl-irħula, ta’ dawk li jiġbru l-flus biex iżejnu t-toroq, biex jinxtara’ n-nar, biex jinħadmu l-kostumi u biex isiru l-wirjiet b’temi kulturali u reliġjużi.
Hemm ukoll min jorganizza l-avvenimenti sportivi, speċjalment għat-tfal u għaż-żgħażagħ. U oħrajn li jiddedikaw ħinhom għan-nurseries tal-basketball, għall-boating clubs u għall-isport tal-hockey u tal-badminton. Kif ukoll għaż-żfin.
U xi ngħidu għal dawk li jikkontribwixxu b’ħinhom u bi flushom għal kawżi u għal fehmiet li jkunu jemmnu fihom b’saħħa? Tista’ taqbel jew ma taqbilx, iżda wieħed jeħtieġ li jammetti li d-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies hi ta’ benefiċċju wiesgħa għall-komunità. Fost dawn issib lil min jorqod fit-tined biex ikunu jistgħu jwaqqfu l-qerda tal-għelieqi b’xogħlijiet tat-tarmak. Lil min jiddimostra fit-toroq kontra r-razziżmu u favur l-għajnuna lill-immigranti. Lil min jagħmel kampanji sħaħ favur drittijiet indaqs għan-nisa jew għal dawk li huma żvantaġġjati. Dawn il-kampanji jisru biex issir pressjoni favur tibdil fil-liġijiet biex b’hekk is-soċjetà ssir aktar ġusta.
Dan huwa l-qasam tal-volontarjat li huwa magħmul minn bnedmin li għalihom il-ħajja ma tfissirx flus biss. Hawn min hu tal-fehma li, kieku dawn ħlew l-enerġija tagħhom f’xi negozju, minflok fit-tiżjin tat-toroq għall-festa tar-raħal jew minflok fl-insistenza għad-drittijiet ta’ persuni b’ġilda sewda, għandhom mnejn li llum huma finanzjarjament aktar komdi. Madankollu issib li dawn jehdew kull meta jagħtu aktar milli meta jaqilgħu.
Din hi l-ħajja demokratika. Din hi l-libertà. Tfisser kultura tiela’ minn isfel għal fuq mit-toroq u mhux nieżla għal isfel minn xi kummissjoni uffiċjali. Tfisser fehma li hi mħallsa u appoġġjata mill-flus ta’ dawk li jsostnuha u mhux mill-gvernijiet u mill-interessi li jfittxu li jikkontrollawha. Tfisser solidarjetà li tmur lil hinn mid-dmirijiet bażiċi ta’ ċittadin li jħallas it-taxxa. Tfisser imħabba lejn il-proxxmu, indipendentement minn jekk il-proxxmu jkunx magħruf jew le.
Jidher li l-gvern din ir-realtà ma jridx li jkompli jirrikonoxxiha.
Dan l-aħħar il-gvern introduċa regolamenti li jxekklu u li jeżerċitaw kontroll fuq flus li n-nies tagħżel li tonfoq biex tagħti l-appoġġ tagħha lill-komunità u lix-xogħol volontarju. Il-gvern irid ikun jaf lil min int qed tikkontribwixxi flusek. U jekk il-gvern ma jkollux grazzja ma’ min ikun qed jibbenefika mill-kontribuzzjoni tiegħek, irid isir jaf biżżejjed biex jiskoraġġik milli tkompli tikkontribwixxi. U forsi anki biex jikkastigak.
Il-gvern għalhekk iddeċieda li jgħabbi lill-għaqdiet volontarji b’aktar xkiel ta’ burokrazija, b’mili ta’ formoli, b’teħid ta’ ġuramenti, b’laqgħat ta’ bi nhar u bi żmienijiet ta’ għeluq biex b’hekk l-għaqdiet volontarji non-governattivi jinbidlu f’aġenziji kajmani tal-istat. Barra minn hekk, min jagħtiha għall-volontarjat ser isibha aktar diffiċli biex jiddedika ż-żmien tiegħu għax-xogħol u ser jispiċċa jaħli l-ħin tiegħu f’spjegazzjonijiet lill-gvern dwar ir-raġuni għaliex għażel li jwettaq ix-xogħol volontarju.
Kull bidla fil-kompożizzjoni ta’ kumitat ser iġġib magħha ħafna mili ta’ karti. U meta jidħol xi ħadd ġdid f’kumitat, ikunu jridu jsiru dikjarazzjonijiet u mal-inqas żball tista’ ssib lill-gvern jistenna’ biex jaqbeż fuqek.
Biex isservi fuq kumitat ta’ klabb tal-boċċi tkun trid tipprova li għandek kondotta nadifa. U ċ-ċertifikati tal-kondotta ser ikunu meħtieġa ta’ spiss. Mhux ta’ darba.
L-iskuża li ġabu hi li ċ-ċertifikat tal-kondotta huwa meħtieġ biex tkun tista’ tiġi kontrollata l-kriminalità finanzjarja. Skuża li hi redikola. Testijiet finanzjarji dwar accounts u audits li jsiru għall-għarrieda għandhom ikunu biżżejjed. Jekk tgħaddi tal-gvern, il-qasam tal-volontarjat jista’ jinqered.
U jidher li dan hu dak li jrid il-gvern. Meta jitqabbad xi ħadd bħal Mario Tonna bħala “investigatur”, aktar minn inkompetenza, dan ikun ifisser soppressjoni tal-għaqdiet volontarji.
Jekk tgħaddi tal-gvern, kull min – per eżempju – jkun irid jagħmel ġabra bieb bieb b’riżq il-Poppy Day, ikun jeħtieġ li jgħaddi ċertifikat tal-kondotta lill-pulizija. Il-ġabra tkun trid issir permezz ta’ barmil maqful provdut mill-gvern u l-barmil ikun irid jinfetaħ fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-gvern.
Il-bużillis jinsab fil-fatt li l-“investigatur” li ntagħżel mill-gvern huwa stess ma kellux il-ħila li jakkwista ċertifikat tal-kondotta nadifa għalih innifsu. Dan għaliex meta Mario Tonna kien spettur tal-pulizija, kien għamel infern il-ħajja ta’ uffiċjal ta’ fuqu b’telefonati anonimi. Kien inqabad u kien instab ħati u s-sentenza tal-qorti kienet ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell. Iżda traċċa ta’ din is-sentenza m’aħniex ser insibuha fil-arkivju tal-qorti għaliex Mario Tonna eżerċita d-dritt tiegħu “li jintnesa” – bravura tal-għaref Owen Bonnici li ma fissret xejn ħlief perverżjoni tal-ġustizzja.
Għaliex xi ħadd kien għoġbu li jħenn għalih, Mario Tonna ma tkeċċiex mill-korp tal-pulizija iżda kienu żammewlu l-promozzjoni. Stenna sakemm tal-Labour reġgħu telgħu fil-gvern u, ftit wara, minn spettur tal-pulizija skreditat ħatruh bħala assistent kummissarju u beda’ jagħmel l-arja mal-pulizija tat-traffiku.
Dan tħajjar ukoll li jsir kummissarju tal-pulizija minkejja l-fatt li, xi żmien qabel, is-sieħba tiegħu kienet irrappurtatu talli sawwatha. Kien ukoll ġie arrestat talli saq karrozza waqt li kien xurban u talli tajjar persuna oħra u baqa’ sejjer.
Issa dan l-imbierek ser jinħatar biex jissorvelja lil dawk iċ-ċittadini bieżlin u altruwisti li jagħżlu li jagħtuha għall-volontarjat. Dan ser jgħarbel lil dak li joħroġ bis-sassla fil-pageant tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun biex jaċċerta ruħu li m’huwiex kriminal. U ser jinvestiga biex jara jekk dik il-mara li taħdem b’mod volontarju mat-tfal morda bil-kanċer hix xi mara ħalliela.
U Mario Tonna ser jippreżumi li huma kriminali u ħallelin. U għaldaqstant ser ikun jeħtieġu li jakkwistaw ċertifikat tal-kondotta nadifa mingħand il-pulizija, li jimlew patafjun applikazzjonijiet u jistennew lill-gvern li jagħtihom il-permess biex jaħdmu b’riżq il-komunità.
Dan ukoll iwassal għall-qerda tad-demokrazija.