M’hix ħaġa daqshekk iebsa, wara kollox, li wieħed jagħżel li jiskuża ruħu. Il-bieraħ Marie Louise Coleiro kitbet li tal-Partit Laburista għandhom jiskużaw ruħħom ma’ dawk il-persuni li kienu bellgħuhielhom li tal-Labour għandhom xi kredenzjali ta’ moralità. Id-deputat mexxej tal-partit Daniel Micallef wieġeb li għalih m’hix problema li jiskuża ruħu ma’ dawk li jħossuhom imweġġgħin bl-imġieba ta’ erba’ minn nies.
Każ magħluq?
Innutaw li wieġeb li m’hix problema għalih li jagħmel apoloġija. Ċertament li tweġiba bħal din minnha nnifisha m’hix apoloġija. Għalih l-apoloġija hi biss ipotesi. Dan ifisser li m’humiex iħossu ebda ndiema għaliex, li kieku tassew nidmu, ma kienux jgħidu li m’għandhomx problema li jaslu biex jitolbu skuża. Kienu jaqbdu u jiskużaw ruħħom.
Innutaw ukoll li stqarr li m’għandux problema li jiskuża ruħu ma’ dawk li jħossuhom imweġġgħin. Ma jgħidx jekk dawn għandhomx raġun jew le li jħossuhom imweġġgħin. Speċi ta, jiddispjaċih li dawn iħossuhom imweġġgħin, iżda mhux ser igħidilhom għandhomx raġun jew le li jħossuhom imweġġgħin għax inkella jkun jeħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltà talli kien kaġun tal-weġgħat. U għaldaqstant jippreferi li jagħmel apoloġija biss mingħajr ma jerfa’ r-responsabbiltà għall-imġieba tiegħu.
Innutaw ukoll li jsemmi “n-nuqqasijiet fl-imġieba ta’ erba’ minn nies”. Hawn jidher li ma jaqbilx mal-fehma ta’ Marie Louise Coleiro Preca fis-sens li l-Partit Laburista jeħtieġ jidħol daħla fih innifsu. Għaliex skont Daniel Micallef ruħ il-Partit Laburista tinsab f’postha. Il-problema tikkonċerna biss “erba’ minn nies” u għaldaqstant m’għandux jeħel il-Partit Laburista kollu.
Il-qerq jidher ċar li m’humiex lesti li jinfatmu minnu.
Segwu lil Daniel Micallef hu u jindirizza laqgħa tal-partit fl-2016. F’punt 05:15 tal-filmat huwa jagħmel riferenza indiretta għal dak li nkixef dwar Keith Schembri u dwar Konrad Mizzi bis-saħħa tal-iskandlu tal-Panama.
Li kieku dak li stqarr il-bieraħ, stqarru dakinhar u li kieku fl-2016 stqarr li l-Partit Laburista għandu jagħmel apoloġija minħabba l-imġieba “ta’ erba’ minn nies” – jiġifieri Keith Schembri u Konrad Mizzi, kien ikun għamel kontribut sinjifikanti.
Iżda dak iż-żmien lis-segwaċi tal-Partit Laburista u lill-elettorat kien qalilhom li l-“attakki” kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jinjorawhom u jagħmlu tabirruħom li ma jeżistux. Għaliex, qalilhom, aħna pajjiż żgħir u m’għandniex nikkritikaw lill-politiċi meta dawn jinqabdu jaħbu barra minn Malta flus ġejjin mit-tixħim.
Sur Daniel Micallef, tista’ tinsihom il-problemi li għandu l-Partit Laburista li jitlob skuża għall-weġgħat kaġunati sforz l-imġieba ta’ erba’ minn nies.
Int, Daniel Micallef, lest li tagħmel apoloġija għall-imġieba tiegħek stess talli int kont qarraqt bil-partit u bil-pajjiż dwar dak li kienu għamlu Keith Schembri u Konrad Mizzi u mbagħad twarrab għal dejjem mill-ħajja pubblika?
Ibqgħu ċerti li minn dan kollu m’hu lest li jagħmel xejn.