Bħal daż-żmien ħames snin ilu, l-pajjiż kien jinsab f’nofs maltempata politika minħabba l-kxif tal-iskandlu tal-Panama Papers. Tliet kumpanniji: waħda minnhom li s-sid tagħha huwa Keith Schembri, l-oħra li sidha huwa Konrad Mizzi u t-tielet – Egrant – li ma nafux sidha min hu.

Joseph Muscat kien qabeż għal Keith Schembri u stqarr li din kienet għażla privata ta’ persuna privata. U dwar Konrad Mizzi stqarr li Konrad Mizzi kien ikun għamel ħażin lil kieku ħeba l-eżistenza tal-kumpannija tiegħu tal-Panama. U kompla jistqarr li Mizzi kien qallu bl-eżistenza ta’ din il-kumpannija meta kien għamel id-dikjarazzjoni tal-ġid tiegħu, liema dikjarazzjoni Muscat qal li kien raha qabel din ixxandret.

Kien biss ftit xhur ilu li Joseph Muscat bidel il-verżjoni meta stqarr li kien sema’ bl-eżistenza ta’ dawn il-kumpanniji tal-Panama mill-mezzi tax-xandir. Dak iż-żmien jien kont ktibt dan il-kummentarju dwar din il-verżjoni ġdida.

Fil-filmat mill-2016 li ser taraw jidher Joseph Muscat jiddikjara li huwa qed jaqbel ma’ dak li kien stqarr Konrad Mizzi b’paragun ma’ dak li Joseph Muscat qed jistqarr issa.

Malajr tqum il-mistoqsija: x’inhi r-raġuni li Joseph Muscat gideb għal-wiċċ Konrad Mizzi?

It-tweġiba ma tistax ħlief tkun minħabba Egrant.

Segwu l-filmat hawn .