Il-ġurnalisti tat-Times of Malta Ivan Martin u Jacob Borg, lil Carmelo Abela staqsewh dwar x’kien stqarr lill-Pulizija meta dawn kienu bgħatu għalih u nterrogawh wara li fl-2010 kien seħħ l-attentat ta’ serqa mill-bank tal-HSBC Bank. Dak iż-żmien huwa kien jaħdem hemm u, għalkemm dan huwa ma kkonfermaħx, il-ġurnalisti ssuġġerewlu li huwa kellu aċċess għall-makna li tipproduċi l-passes li kienu ntużaw mill-kriminali mdaħħlin fir-reat.

Hemm bosta affarijiet li Carmelo Abela seta’ qal lill-Pulizija. Seta’ qalilhom li kien tabilħaqq ta l-għajnuna tiegħu lill-Pulizija u li kien għaddielhom l-informazzjoni li kienu jeħtieġu dwar operazzjonijiet  bankarji iżda li – sa fejn kien jaf hu – qatt ma kien wieħed mis-suspettati b’rabta mar-reat.

Minflok għamel dan, lill-ġurnalisti qalilhom – għal darba darbtejn – li ma jiftakarx li l-Pulizija kienu nterrogawh.

Issa huwa minnu li, wara medda ta’ għaxar snin, ikun hemm bosta ħwejjeġ li wieħed ma jibqax jiftakarhom. Iżda lil Carmelo Abela, l-ġurnalisti ma talbuħx igħidilhom x’kien kiel f’nofsinhar f’jum minnhom fi Frar tal-2011. Carmelo Abela stqarr li ma setax jiftakar li l-Pulizja kienet bgħatat għalih u nterrogatu żmien wara li kien seħħ l-attentat ta’ serqa armata minn bank minn grupp ta’ kriminali li f’idejh kellu tagħrif dwar is-sistema li hu u numru żgħir ta’ impjegati oħrajn setgħu għaddewlhom.

Ġaladarba lil Carmelo Abela qabditu amnesija, ma jkunx aħjar jistaqsi lilu nnifsu jekk għadux igħodd għax-xogħol fil-politika?

Lil dawk li jagħtu l-appoġġ għami tagħhom lil Carmelo Abela ser jirnexxielu jikkonvinċihom li hu ma kienx ġie interrogat meta huwa baqa’ jistqarr li ma jiftakarx?

Jew inkella ser ikun biżżejjed għalihom li Carmelo Abela jistqarr li l-istorja dwar ir-rabta tiegħu mas-serqa hi biss “gidba” ta’ Jason Azzopardi? Wara kollox, issa donnu li daħlet il-moda li wieħed igħid li kulma jistqarr Jason Azzopardi m’huwiex minnu.

M’għandniex xi ngħidu, Jason Azzopardi m’għandu xejn x’jaqsam ma’ dan kollu. L-ewwel darba li ssemma’ Carmelo Abela kien minn wieħed minn dawk li kienu ħadu sehem fl-attentat ta’ serq minn bank – Ċensu Muscat il-Koħħu – u l-aħwa Degiorgio taw x’jifhmu li kien imdaħħal hekk kif dawn ippruvaw bla ma rnexxielhom li jakkwistaw proklama.

Lil martu, tgħid Carmelo Abela issa jmissu jgħidilha li ma jiftakarx li kien iżżewwiġha?