Il-Kumitat tal-Parlament dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) jista’ jitqies bħala għodda li biha jkunu jistgħu jiġu miġġielda kemm il-korruzzjoni kif ukoll in-nuqqasijiet amministrattivi. Iżda, b’xorti ħażina, r-realtà xejn ma tirrifletti dak li kien ħadem għalih Lawrence Gonzi meta, kmieni fis-snin disgħin, kien ħoloq il-PAC. Il-laqgħat tal-PAC jixbħu mhux ftit fil-monotonija s-seduti tal-Parlament f’sessjoni plenarja.

Il-ħin disponibbli għal-laqgħat huwa nieqes. Kien hemm wieħed gustuż minn naħa tal-gvern li llum beda’ jinbex lill-membri tal-oppożizzjoni u qalilhom li kieku kien għall-membri parlamentari tal-gvern, il-PAC ilaqqgħuh minn kmieni filgħodu sa filgħaxija. Għal dan il-ħelu, jekk dan iseħħ ma jkun ġara’ xejn għaliex dan ministru u għaldaqstant għandu ħobżu maħbuż b’salarju mingħand il-gvern u jista’ jaħli żmien kemm irid hu u jilgħab bil-mobile tiegħu waqt li jkunu fis-sessjoni l-kumitati tal-Parlament. Id-deputati tal-Oppożizzjoni, mill-banda l-oħra, qabel jattendu għal dawn il-laqgħat ikun jeħtieġ li jaqilgħu ħobżhom permezz tax-xogħol tagħhom bi nhar. Issa l-iskop tal-ħolqien tal-PAC kien u għadu dak li jkun hemm għassa fuq l-infieq tal-gvern u hu għaldaqstant minn ewl id-dinja li l-membri tal-Oppożizzjoni għandhom jingħataw l-ispazju kollu li jkunu jeħtieġu u l-ħin kollu li jkun hemm bżonn biex ikunu jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.

Iżda jidher li l-gvern apposta qed jagħmel ħiltu biex inaqqas id-disponibilità tal-ħin u tar-riżorsi għall-Oppożizzjoni u dan biex ma jsibx xkiel hu u jiggverna lill-pajjiż. In-nuqqas ta’ riżorsi tista’ tilmħu minn mili ‘l bogħod. Kull min segwa l-ħidma ta’ kumitati bħal dawn f’pajjiżi oħra jaf l-membri ta’ dawn il-kumitati jingħataw l-għajnuna kollha li jkunu jeħtieġu permezz ta’ riċerkaturi u esperti li jinħatru biex iħejjulhom t-triqat li jkunu jridu igħaddu minnhom. Hawn Malta, iżda, id-deputati jagħmlu l-istħarriġ huma stess. Uħud minnhom iħejju ruħħom sewwa. Il-biċċa l-kbira jippruvaw ibenġluha. Il-PAC suppost għandu jgħarbel sewwa l-kumplessitajiet kollha tal-iskandlu tal-Electrogas. Iżda l-biċċa l-kbira tad-deputati la għandhom il-ħila u lanqas biżżejjed taħriġ biex dan l-iskandlu ikunu jistgħu jifhmuh aħseb u ara kemm jinsabu f’pożizzjoni li jagħmlu mistoqsijiet pertinenti dwaru.

U min huma dawk li qed igawdu minn dan kollu? Bla dubju dawk li għandhom il-faħam miblul.

Imbagħad hemm ukoll in-nuqqas ta’ kjarezza dwar il-proċedura li jidher li qed tiġi mposta mill-avukati li jassistu lix-xhieda li jissejħu biex jidhru quddiem il-Kumitat. Qatt ma stajt nifhem u għadni sal-lum ma nifhimx kif l-imġieba ta’ dawn l-avukati qed tiġi tollerata. L-avukati li jinġiebu mix-xhieda quddiem Kumitat Parlamentari ma jirrappreżentawx lill-klijenti tagħhom. L-aktar li jistħgu jagħmlu hu li jassistuhom. L-imġieba tal-lum ta’ Giannella Demarco u l-imġieba tagħha f’okkażjonijiet preċedenti waqt li kien qed jixhed Paul Apap Bologna, hi biss verżjoni estrema ta’ dak li ilu jseħħ ripetutament. Issib avukati jgħollu leħinhom ma’ deputati parlamentari u xi drabi jheddu lil min ikun qed jippresjiedi l-Kumitat. Issibhom jagħmlu l-arja u jippruvaw jiddettaw b’manjiera li ma jażżardawhiex f’awla tal-qorti.

M’għandniex xi ngħidu, mġieba bħal din fil-Parlament m’hix aċċettabbli. L-avukati m’għandhomx dritt li jitkellmu fis-seduti tal-Kumitat tal-Parlament. Ċertament għandhom kull dritt li jfesfsu suġġeriment f’widnejn il-klijent tagħhom biex jintalab aġġornament sabiex ikunu jistgħu jagħtuh il-pariri tagħhom waqt li s-sessjoni tkun sospiża. Iżda l-membri ta’ dawn il-Kumitati Parlamentari għandhom jingħataw il-libertà li jistaqsu l-mistoqsijiet li jkunu jridu jagħmlu u li jisimgħu t-tweġibiet mingħand ix-xhud.  U waqt li jkun għaddej dan il-proċess, l-avukati għandhom iżommu s-skiet.

Is-sabiħa hi li madwar l-istess ħin li kien qed jixhed Apap Bologna – għandi ngħid, sa fejn ħallietu jixhed l-avukata tiegħu – Dominic Cummings kien qed jixhed mingħajr l-assistenza ta’ avukat quddiem Kumitat konġunt tal-House of Commons. U ma tridx wisq biex tintebaħ bid-differenza.

Ħaġ’oħra li hemm nieqsa li r-rieda li tinkixef il-verità. Għaliex meta tinkixef il-verità, ħafna drabi jinkixef ukoll il-gvern. Il-biċċa l-kbira tal-membri tal-kumitati huma deputati tan-naħa tal-gvern. Dawn huma l-istess persuni li jkun jeħtieġ li jiġu mgħarbla u ċertament m’għandhom qatt ikunu membri tal-Kumitat innifsu. Bosta drabi jaraw kif jagħmlu biex jippruvaw jirredikolaw il-proċess kollu u fl-istess waqt ifittxu kull opportunità biex jagħmlu l-bsaten fir-roti. U f’kwistjonijiet delikati bħal tal-lum meta kienu qed isiru l-mistoqsijiet lil Paul Apap Bologna, tgħidx kemm għamlu interventi biex jiddefendu lix-xhud u lill-avukata tiegħu meta dawn tal-aħħar ivvintaw kull skuża biex ix-xhud ikun jista’ jaħrab milli jwieġeb. Din l-imġieba serviet biss biex ġie mminat ix-xogħol tal-Kumitat.

Iżda meta mbagħad xhud jeżiġi d-“dritt tas-silenzju”, għandu wkoll jiddikjara li l-Pulizija qed tinvestigah. Illum Paul Apap Bologna eżieġa d-dritt li ma jweġibx għal mistoqsija li saritlu dwar jekk kienx minnu li missieru huwa s-sid ta’ lanċa bl-isem Eponymous u li huwa wkoll is-sid ta’ kont bankarju fid-Dubaj li kien infetaħ f’ismu fiż-żmien meta nħolqot l-Electrogas. Dan m’hu xejn ħlief ħjiel li, flimkien ma’ Yorgen Fenech, Paul Apap Bologna kien sa xfar għajnejh igħum fil-ħmieġ tal-korruzzjoni li welldet l-Electrogas. Korruzzjoni li nħbiet u tħarset bis-saħħa tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-ġurnalista li kien għoddha waslet biex tikxifha. M’hemmx dubju li isem il-lanċa ta’ missieru m’huwiex minnu nnifisu reat kriminali. Iżda l-fatt li Apap Bologna rrifjuta li jikkonferma l-isem huwa ammissjoni indiretta li l-isem iwassal għal affarijiet oħrajn li jistgħu jammontaw għal reat kriminali.

Issa jien ninsab konxju tal-fatt li fil-qorti, jekk xhud jeżiġi d-dritt tas-silenzju, wieħed ma jistax jiġbed ċerti konklużjonijiet. Iżda l-PAC m’huwiex qorti u għaldaqstant għandi kull dritt li s-silenzju nxommu jinten. Ġaladarba Paul Apap Bologna qed jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar flusi, għandi d-dritt nakkużah li għandu l-faħam miblul.

Paul Apap Bologna jista’ jibqa’ jsodd ħalqu kemm irid. U sakemm jibqa’ jżomm ħalqu magħluq, jien ser nibqa’ nixlieh li huwa gawda mill-korruzzjoni u mill-qtil.