Dawn l-aħħar ġranet imqanqlin irċevejt ħafna messaġġi ta’ ħbiberija u sapport mingħand qraba u ħbieb. Irċevejt ukoll ftit messaġġi ta’ sapport mingħand nies li ma nafx min huma, li qegħdin ‘l bogħod, imma li xtaqu jkunu viċini tiegħi. Dan il-messaġġ wieħed minnhom. B’sens ta’ gratitudni, qed nippublikah hawnhekk maqlub għall-Malti mill-Ingliż.
Għażiż Manuel,
Ili naqra xogħlok minn mindu bdejt tikteb fuq Truth Be Told, u nappoġġa l-isforzi tiegħek fl-attività tiegħek favur il-verità u l-ġustizzja – minkejja li mill-bogħod – bħala Malti-Kanadiż (li kont ngħix Malta) u li issa ngħix il-Kanada.
Ir-raġunijiet il-għala naqra l-blog tiegħek huma ħafna. Imma f’kelma waħda, is-16 ta’ Ottubru 2017 bidel kollox.
Tajjeb ninformak li jien is-soltu qarrej ‘kwiet’. Però, kif kien qal il-kbir Martin Luther King, ‘Ħajjitna tibda tintemm il-jum li naqgħu siekta dwar affarijiet importanti’.
Għalkemm mhux dejjem inħoss li għandi l-mezzi, il-pjattaforma jew il-ħila li nagħmilha jien, li ngħidu l-verità lil min għandu l-poter – u li nappoġġaw lil min għidha din il-verità – hija importanti għalija. Għaldaqstant, il-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar ftit ġranet, ġegħluni naqbad il-pinna tiegħi, u niktiblek direttament.
Waqt li nista’ biss nimmaġina l-isfidi li qed tiffaċċja bħalissa qalb dan l-attakk li jidher immirat u bla preċedent fuq il-vuċi, l-identità u l-kredibbiltà tiegħek, wisq nibża’ li din il-kampanja sistematika ta’ intimidazzjoni se jkollha effett negattiv fuq il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija f’Malta. Kultant tispiċċa tiddispra.
Jien prodott tat-tmeninijiet. U, minkejja d-distanza, kunfidenti li nista’ nagħraf dak li qed jiġri fil-gżira bħalissa, u li ilu jiġri għal xi żmien.
Kultant insib ruħi nhewden kif nista’ ngħin (aktar minn interess, edukazzjoni, informazzjoni, donazzjoni), u f’dawn iċ-ċirkostanzi partikolari, inħoss il-bżonn li ngħidlek li:
Jien solidali miegħek, u l-vuċi tiegħek għandha valur.
Nirringrazzjak għall-qlubija u l-forza morali tiegħek li tkompli tissielet għall-verità, u li taqsamha magħna.
Midjunin miegħek għad-determinazzjoni tiegħek li tiftaħ mezz għall-ġustizzja għal Malta, u għall-eroj tagħha – dawk li waqgħu, dawk li ma jibzgħux, in-nies ‘il-komuni’ kollha – li jkomplu jsemmgħu leħinhom għall-imħabba ta’ pajjiżhom.
Nitolbok toqgħod attent ħafna. Jalla ssib l-għajnuniet u r-riżorsi meħtieġa, u ma taqtax qalbek u tkompli dan ix-xogħol importantissmu tiegħek.
Kuraġġ.