Iqajjem interess kbir dak li l-gvern jagħmel il-ħila kollha tiegħu biex jibqa’ jaħbi. Il-kuntratt sigriet li Konrad Mizzi kien iffirma mas-Socar u li nkixef minn The Shift News mhu xejn ħlief prova ċara oħra ta’ korruzzjoni kontra l-gvern ta’ Joseph Muscat.

Iżda l-verità hi li din kienet storja li konna ilna li sirna nafu biha.

Il-kxif tad-dettalji tal-kuntratt kien sinjifikanti daqs il-fatt li dawn baqgħu mistura għal kważi 7 snin. Konna nafu bil-kuntratt u bl-implikazzjonijiet tiegħu. Iżda d-dettalji konna għadna ma qrajniehomx. Kienu qalulna li l-kuntratt fil-fatt qatt ma eżista, li tal-Kummissjoni Ewropea kienu jafu bih u li kienu għaddewh mill-għarbiel tagħhom, li huwa kuntratt kummerċjalment sensittiv u li kien ġie ffirmat fl-aħjar interess tal-poplu Malti.

Dawn l-iskużi kollha ma kienu xejn ħlief gideb sfaċċat. Iżda kienu wkoll biżżejjed sabiex Konrad Mizzi seta’ jirbaħ xi ftit taż-żmien.

Sadattant Konrad Mizzi stqarr li kien skopra lil Alla, li x’aktarx lill-pustier kien qed jistaħbielu biex ikun jista jaħrab milli jirċievi kontijiet eżaġerati tad-dawl u l-ilma. Iżda, b’Alla jew mingħajru, jibqa’ l-fatt li għadu sal-lum jirbaħ iż-żmien u fl-istess ħin għadu jaħrab mill-konsegwenzi tal-imġiba tiegħu.

Seba’ snin ta’ rabja huma żmien twil. Żmien twil li jista’ jmarrad. M’hemmx dubju li ma nistgħux nibqgħu għal dejjem f’din is-sitwazzjoni ta’ frustrazzjoni perpetwa mċaħħdin mid-duwa tat-tama. Ilna għal żmien twil nisimgħu b’nies li qatgħu qalbhom u li telqu għalkollox mill-pajjiż bil-għan li jkunu jistgħu jgħixu n-normalità.

Issa l-karba tan-nies qed nisimgħuha inqas minħabba dawk li dabbru rashom. Iżda aħna li bqajna hawn, jeħtieġ li nkomplu nsemmgħu leħinna. Jeħtieġ li nuru l-għadab tagħna.

Li kien għalihom, aħna jmissna noqogħdu fil-kwiet ta’ djarna, ma nibqgħux ninkwetaw u nerħulhom ikomplu jħawdu bl-inkomptenza, il-korruzzjoni u l-ħmieġ tagħhom b’kollox. Dawn iriduk tibqa’ ċċiċċi f’darek, tħallas il-kontijiet u t-taxxi fil-ħin u tibqa’ tissussidjalhom il-ħajja ta’ lussu li qed jgħixu.

M’għandniex xi ngħidu, m’hemm xejn aktar ironiku milli jkollok lil Robert Abela paxxut f’vaganza sajfija bla tmiem fuq il-yacht tiegħu  – yacht li qatt ma spjega sewwa kif kellu l-ħila jixtriha – bl-ispejjeż tal-fuel sussidjati mit-taxxi bħallikieku x-xalar tiegħu madwar il-Mediterran hu xi dmir soċjali tiegħek.

Robert Abela mhuwa xejn ħlief ix-xbiha tal-ħmieġ tal-Aqwa Żmien u l-personifikazzjoni tal-grazzji milqugħa frott it-talb ta’ Konrad Mizzi.

Qed taraw kif lil Alla qed iħalluh bla nifs.

Jekk int għadek qed tgħix f’Malta u, tajjeb jew ħażin, biħsiebek tibqa’ hawn, għandek tkompli ssemma’ leħnek kontra dawn il-ħniżrijiet. Jekk tibqa’ ma titniffisx, ser iserrħilhom rashom li int tiġi taqa’ u tqum mill-ħniżrijiet li wettqu.

Iriduk taħseb li b’leħnek jew mingħajru, xorta. Iriduk taqta’ qalbek li għad jinkixfilhom kollox.

Int ukoll tista’ titlob. Int ukoll tista’ ssemma’ leħnek. Proprju hekk għandek tagħmel.

Għaldaqstant illejla attendi għall-protesta.

Pajjiżek tiegħek……mhux tagħhom.