Aqraw ftit x’tella’ fuq il-mezzi soċjali l-Ministru tat-Turiżmu tagħna. Appella lin-nies sabiex tkun responsabbli għaliex, wara li jgħaddu l-festi, it-toroq ikunu mimlijin skart u ħmieġ. Mur obsor għalik, Sur Ministru. Tgħid landa taż-żibel li tesa’ l-imbarazz li jinġema’ f’ġurnata tal-Ħadd matul is-sena se tkun kbira biżżejjed biex tesa’ l-iskart li tħalli n-nies meta darba fis-sena fil-pjazza titnieda festa ta’ ikel u xorb f’ġieħ il-patrun tar-raħal?

Mhux minn ewl id-dinja li jkun jeħtieġ li l-pjazza tkun armata b’laned akbar li jesgħu aktar skart? Laned li jkunu jistgħu jittieħdu minn raħal għal ieħor skont fejn tkun qed issir il-festa. Imbagħad ma jkollniex bżonn min jissagrifika ruħu għall-iġjene pubblika jew naqraw appelli mill-ministru għal aktar responsabbiltà ċivika.

Kieku konna pajjiż normali, hekk kien jiġri.

Imma hawn Malta ma jistax ikun li nkunu normali, hux hekk?