Il-ġurnal Ingliż The Guardian fiħ rapport dwar it-tnedija ta’ investigazzjoni regolatorja dwar is-superviżjoni tal-Pilatus Bank. L-Awtorita’ Bankarja Ewropea qed taġixxi fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.
Fost id-dmirijiet tar-regolaturi hemm dak li jirċievu rapporti dwar aġir illegali li jkun allegatament seħħ f’organizzazzjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom. Xogħolhom hu li jgħarblu sew dawn ir-rapporti. Ċertament ma jagħmlux bħalma għamel il-Kummissarju Lawrence Cutajar u jmorru igħidu li provi pubblikati minn ġurnalist mhumiex konklussivi u li għalhekk m’hemmx lok ta’ aktar investigazzjoni. Li kieku dawn il-provi kienu konklussivi, ma kienx ikollna l-ħtieġa ta’ pulizija jew regolaturi għax ikun biżżejjed li l-ġurnalisti jagħmlu dan ix-xogħol.
F’pajjiż normali meta xi ħadd jallega ksur tal-liġi, din l-allegazzjoni tkun investigata minn entitajiet indipendenti li wkoll ikollhom is-saħħa u d-dmir li jinvestigaw.
The Guardian jirreferi wkoll għall-kawża li l-Pilatus Bank kien għamel f’Mejju li għadda kontra Daphne Caruana Galizia, liema kawża kienet ġiet irtirata ftit sigħat wara l-assassinju tagħha.
Fil-frattemp il-Pilatus Bank issemma’ wkoll il-bieraħ fil-progamm ta’ Michele Santoro li xxandar fuq Rai 3. Din hija l-clip.