Diversi diretturi bdew jirriżenjaw mill-karigi tagħhom fil-Pilatus Bank. Il-‘persuna kompetenti’ li qed tmexxi l-bank bħalissa għadha kif ippreżentat ir-riżenja tad-direttur Joseph Jerry Liow-Yune-Loy quddiem l-MFSA. Dan id-direttur irriżenja.

 

Din tista’ tkun opportunità mitlufa – jew forsi għad hemm iċ-ċans li dan iseħħ – biex xi ħadd jistaqsi lis-Sur Liow-Yune-Loy meta sar jaf li s-sid tal-bank li tiegħu kien direttur ġie investigat fuq frodi bankarja u kemm investiga fid-dettall il-mod kif il-Bank Pilatus kien qed jimmaniġġja l-kontijiet ta’ Persuni Esposti Politikament (PEP) li kellu.

Qishom qed jiġru affarijiet minn taħt bl-iskop li jiġi evitat li jiġu mwieġba dawn it-tip ta’ domandi, fil-mument meta l-aktar li huwa meħtieġ li jingħataw it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ilhom isiru.

Qed tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li xi wħud mill-assi tal-bank jista’ jkun li potenzjalment huma riżultat ta’ reati kriminali? Ingħata bidu għal investigazzjoni ġdida dwar ħasil ta’ flus? Bdiet inkjesta dwar l-aħħar dikjarazzjoni tal-FIAU li kien iddikjara l-bank bħala nadif u ħieles minn kull suspett? Dawk li għandhom il-flus depożitati fil-bank reġgħu ġew analizzati biex ikun stabbilit jippreżentawx xi tip ta’ riskju ta’ ħasil ta’ flus? Ġew analizzati l-aħħar tranżazzjonijiet li saru u li permezz tagħhom inġibdu l-flus mill-bank?

L-evalwazzjonijiet li saru fil-passat fuq klijenti li jista’ jkun li huma esposti politikament reġgħu ġew analizzati? L-istaff tal-bank ġie interrogat fuq dak li ġara fl-imgħoddi fil-bank?

Minkejja dawn il-mistoqsijiet u dubji kollha, jidher li quddiemna se naraw iseħħ l-għeluq tal-bank qisu ma ġara xejn…b’dawk li għandhom il-flus depożitati mal-Pilatus jitħallew jiġbdu flushom, id-diretturi jirriżenjaw bil-kwiet, l-impjegati jsibu xogħol ġdid u jibqa’ biss il-likwidatur biex iħallas il-kera u jitfi d-dawl.

Possibbli l-Membri Parlamentari ma jqisux l-għeluq ta’ bank bħala suġġett ideali biex issir inkjesta parlamentari minn select committee ffurmat minn deputati taż-żewġ naħat?

U…mistoqsija tal-aħħar, għalissa. Min se jibqa’ hawn biex jiffirma r-rendikont finanzjarju tal-bank għall-2017 li suppost li għandu jitressaq quddiem l-awtoritajiet finanzjarji tul l-erbat ijiem li ġejjin?