The president of NGO Repubblika Vicki Ann Cremona wrote this letter to President George Vella this morning.

16 ta’ Diċembru 2019

L-ET il-President ta’ Malta
Il-Palazz
Il-Belt Valletta

Sur President:

DWAR: KAMPANJA TA’ INTIMIDAZZJONI U THEDDID MILL-KLIKKA MAFJUŻA LI QED TAĦKIMNA

Niktbu lilek minħabba li smajna b’attenzjoni d-diskors tiegħek ta’ nhar il-Ġimgħa. U niktbu lilek għax fil-mument preżenti ta’ kriżi kostituzzjonali profonda, ħadd ħlief il-president ma jista jagħti l-gwida u l-għaqal meħtieġ.

Kif taf, għal dawn l-aħħar 26 xahar konna attivi bi protesti konsistenti nitolbu verità u ġustizzja wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Bħala ċittadini attivi u minn mindu waqqafna Repubblika bħala organizzazzjoni li tikkampanja għas-saltna tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem m’hux biss id-dritt tagħna li nipprotestaw. Hu d-dmir tagħna.

Mal-arrest ta’ Yorgen Fenech, ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, ir-riżenji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, id-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li ma jirreżenjax, f’dan l-aħħar xhar il-protest tagħna intensifikat.

Ripetutament, ministri tal-gvern akkużawna u ‘l dawk li wieġbu s-sejħa tagħna li jipprotestaw, li l-aġir tagħna kien “kriminali” u “vjolenti”, li aġixxejna biex “joħolqu l-kaos fil-pajjiż”, li “jridu jġibu lura l-vjolenza tat-tmeninijiet”.

L-istqarrijiet ta’ dawn il-ministri ttennew fuq il-mezzi tal-Partit Laburista li b’qerq irrappreżentana bħala vjolenti u li aġixxejna biex issir ħsara fiżika lill-bnedmin u lill-propjetà tagħhom u li fittixna li nweġġgħu partikolarment lill-pulizija, suldati u persuni b’diżabilità.

B’konsegwenza diretta u intenzjonata ta’ dawn l-istqarrijiet u rapporti fuq il-mezzi tal-Partit Laburista, aħna qed nirċievu messaġġi privati u pubbliċi ta’ tgħajjir, intimidazzjoni u theddid t’aġir vjolenti fuqna, inkluż theddid ta’ mewt. Dawn qed jiġu kemm minn persuni li fuq il-mezzi soċjali huma identifikabbli kif ukoll minn profili anonimi, iżda b’daqshekk xejn anqas perikolużi.

F’okkażjonijiet preċedenti fejn esperjenzajna theddid, fittixna u sibna l-protezzjoni tal-Pulizija. Iżda wara li rajna stqarrija stampa tal-Pulizija nhar is-Sibt li biex isservi l-interessi ta’ min irid jirrapreżetana bħala barra mil-liġi gidbet fuq il-protesta tagħna ta’ nhar il-Ġimgħa, illum nibiżgħu li l-Kummissarju tal-Pulizija m’hux dispost jipproteġina minn dawk li jridu jweġġgħuna, minkejja r-rieda tajba tal-parti l-kbira tal-membri tal-korp.

Is-sitwazzjoni li qegħdin fiha hi mwegħra tassew. Il-gidba mtennijja li aħna konna vjolenti tista’ ssir f’moħħ xi ħadd ġustifikazzjoni biex issir vjolenza fuqna. Ir-ritratti ta’ wħud minna qed jitpoġġew fuq il-mezzi tal-Partit Laburista u identifikati bħala mostri li lanqas għandhom qalb iħennu għall-persuni b’diżabilità.

Għalkemm il-kampanja nbdiet minn ministri tal-gvern, għalkemm promossa fuq il-mezzi tal-Partit Laburista u għalkemm it-theddid li qed nirċievu ġej minn sostenituri tal-Partit Laburista, aħna ma nagħtux ħtija kollettiva lill-Partit Laburista għal dak li qed jiġri.

Dan xogħol il-klikka ta’ kriminali li int tkellimt dwarha nhar il-Ġimgħa. Din il-klikka użat għal snin il-kredenzjali u l-mezzi tal-Partit Laburista biex tkun tista’ tisraq u timla bwietha. Użat dawk il-kredenzjali u l-mezzi biex qatlet lil Daphne Caruana Galizia biex setgħet tkomli tisraq mingħajr ma tħallas t’egħmilha. U issa qed tfittex li tibqa’ fejn hi billi tuża l-istess kredenzjali u mezzi biex toskura, tintimida u jekk hemm bżonn issawwat, tweġġa’ u toqtol lil dawk li kienu u għadhom fuq quddiem jitolbu l-ġustizzja.

Neħtieġu l-protezzjoni tiegħek minn din il-mafja li ħakmet pajjiżna. Fl-imgħoddi wettqet kampanji ta’ mibgħeda bħal dawn fuq Daphne Caruana Galizia li kienu parti mill-pjan fit-tul biex jeliminawha. Anke qabel qatluha fittxew li jgħaffġu l-kredibbilità tagħha biex ħadd ma jemminha u huma jibqgħu jagħmlu li jridu. Meta dak ma kienx biż-żejjed biex sikktuha, qatluha.

Kif għidt int din hi tebgħa ta’ mistħija li bħala nazzjon se ndumu ma ninġabru minnha. Imma żgur m’aħniex se ninġabru minnha jekk inħallu l-istess metodu vjolenti u kattiv jirrepeti ruħu.

Qed ikollna nispjegaw lil uliedna għalfejn nies fit-triq fid-dawl tax-xemx qed jgħajjtu magħna u jgħidulna biex naqtgħu l-vini tagħna. It-tfal tagħna ma jifhmux x’għamilna ħażin.

Jekk nisktu aħna u nibqgħu f’darna biex nevitaw din il-vjolenza fuqna, il-klikka, il-mafja, se tibqa’ tagħmel li trid. Anke ministri tal-gvern li riedu jagħmlu distanza bejnhom u bejn il-klikka mafjuża issa qed jiġu identifikati mill-klikka għat-tgħajjir u l-intimidazzjoni.

Il-klikka trid li din is-sitwazzjoni tkun ridotta għal kwistjoni bejn nazzjonalisti u laburisti. Iridu hekk għax iridu jerġgħu jabbużaw mil-lealtà tas-sostenituri tal-Partit Laburista biex isikktu lil min irid ħaqq minnhom ġej mil-liem partit ġej.

Fil-kuntest ta’ kampanja elettorali interna biex jintgħażel mexxej ġdid għall-Partit Laburista lanqas nistgħu nippretendu l-kuraġġ ta’ dawk li qed jippużizzjonaw irwieħhom biex jiggvernaw li jitkellmu skond il-kuxjenza u jesprimu solidarjetà jew simpatija ma’ min qed jipprotesta u kritika u ċensura lil min qed iżeblaħna u jigdeb fuqna.

Hi tassew it-traġedja ta’ żminijietna li dak li fil-wiċċ hu taparsi demokratiku – f’dan il-każ l-elezzjoni ta’ mexxej ta’ partit – jintuża wkoll biex jgħatti l-aġir vjolenti, kriminali u anti-demokratiku ta’ klikka ħallelin u qattelin. Iżda dan m’għandu jiskanta lil ħadd. L-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017 jidher li kienet kollha kemm hi parti minn kopertura għal assassinju politiku.

Qed infittxu llum u issa, l-intervent urġenti tiegħek. Jekk għandek il-pjaċir nixtiequ niġu ħdejk biex nuruk x’tip ta’ intimidazzjoni qed nirċievu. Nafu li temminna imma b’daqshekk ma jfissirx li m’għandekx tara l-brutalità ta’ dak li qed nesperjenzaw.

Imbagħad qed nitolbuk tintervjeni pubblikament mal-gvern biex irażżan il-konfrontrazzjoni u jaqta’ l-gideb dwar “vjolenza” li ma teżistix, mal-Kummissarju tal-Pulizija biex ikun leali lejn il-liġi, mhux lejn il-klikka li ħatritu u ħakmet lilna, mal-Partit Laburista biex jara li l-mezzi tiegħu jirrappurtaw il-verità, mhux il-gideb, u mal-poplu Malti biex f’dan iż-żmien jingħaqad wara l-verità u l-ġustizzja mhux iħalli din il-klikka mafjuża tibqa’ tifirdu kontrih innifsu.

Intant nassigurawk li minkejja dan it-theddid u l-biża sinċiera li nesperjenzaw minħabba fih, se nibqgħu ċittadini impenjati fl-interess ta’ din il-komunità. M’aħniex infittxu ħlas, rikonoxximent jew poter. M’aħna nitolbu xejn li jintradd lilna biss. Qed nitolbu li ngħixu f’pajjiż fejn issaltan il-ġustizzja u l-verità biex uliedna bħal ulied min qed jheddidna u jgħajjarna jgħixu mingħajr biża li jkollhom jiggvernahom min lest iqum filgħodu u jordna l-qtil ta’ min qed jikxifhom għax qed jisraqhom.

Hu għalhekk li lleja stess, fis-7.30pm se nkunu quddiem il-bini tal-qorti fil-Belt Valletta nġeddu l-kampanja tagħna.

Dejjem tiegħek,

 

Vicki Ann Cremona
President, Repubblika