Mill-ħafna modi kif il-libertà tal-media qed tiġi mhedda mill-intervent tal-Istat f’Malta, l-iktar li jispikka hu l-mod falz kif il-propogandisti tal-Istat jadottaw it-terminu ‘ġurnalist’. Mhux biss jippretendu li huma ġurnalisti meta fl-istess ħin ikunu qed iservu l-interessi tar-reġim, imma jaħdmu attivament biex jeskludu l-ġurnalisti ġenwini u jfittxu li jneħħulhom il-kredibbiltà.

Għalhekk lil Daphne Caruana Galizija kienu jsejħulha ‘blogger’ — kienu jużaw il-kelma b’timbru unikament Malti, mgħobbija b’tikketta negattiva, derogatorja u mneżżgħa mill-funzjoni tal-ġurnalist li jinforma u janalizza dak li jkun għaddej.

Mhumiex biss il-politiċi li kienu jagħmluha din.  U għadhom jagħmluha.

Il-president tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Norma Saliba, f’avveniment li attendejt għalih jien ukoll, tkellmet dwar ix-xewqa tagħha li tiġi introdotta liċenzja tal-Istat li tillimita l-aċċess għall-attività ġurnalistika għal dawk biss li jawtorizza l-Istat.

Mhux ta’ b’xejn l-Istitut tagħhom huwa l-uniku assoċjazzjoni tal-ġurnalisti li mhux isemma’ leħnu b’mod attiv biex ikun hemm skrutinju internazzjonali tal-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.  Bil-maqlub tagħhom, l-Istitut lokali qatt ma qiesha bħala kollega.

Norma Saliba argumentat li hemm bżonn reġim sponsorjat mill-Istat biex jiżgura l-istandards fil-ġurnaliżmu. Imma jekk dawk l-istandards se jkunu baxxi biżżejjed biex jinkludu lilha, kif x’aktarx tkun trid, ħadd m’għandu għax jinkwieta li jitħalla barra, u allura l-eżerċizzju kollu kemm hu jkun sar għalxejn. Il-motivazzjoni ta’ liċenzja tal-Istat għad-dritt tal-ġurnaliżmu huwa aktar misterjuż u ċertament suspettuż ħafna f’idejn xi ħadd li jservi ta’ preżentatriċi għall-avvenimenti ta’ propoganda tal-gvern, kif tagħmel Norma Saliba.

L-intenzjoni veru hi li ċċaħħad il-protezzjoni tal-libertà tal-media lil dawk li verament jeħtiġuha, dawk li jinvestigaw l-azzjonijiet ħżiena tan-nies fil-poter u li jikkritikawhom minħabba f’hekk.

Imbagħad hemm Brian Hansford, eżempju rivoltanti ieħor ta’ propoganda li sservi lill-Istat bil-libsa tal-ġurnaliżmu. Is-serje tiegħu tul dawn l-aħħar ġimgħat fuq Facebook, dwar Marija Efimova — serje li tfakkrek fit-tortura psikoloġika Ċiniża ta’ qatra ilma wara l-oħra — kienet għalkollox sajma mill-informazzjoni għax kien ovvju li kienet maħsuba biex tbeżża’ whistle-blower u sors minn ġewwa tal-informazzjoni.

Għax Brian Hansford hu taparsi ġurnalist li m’għandux simpatija għas-sorsi imma għal dawk li għandhom is-sigrieti li s-sorsi jiżvelaw. Din tixbah lill-istorja ta’ dawk il-gwardji voluntiera Lhud li, biex il-Ġermaniżi ikunu jistgħu jgħaddu siegħa żmien, kienu joqogħdu jsawtu lill-kompatrijotti tagħhom fil-kampijiet tal-mewt tal-olokawstu.

U powst tiegħu fuq Facebook illum, għal mument iddevjat mill-vittma favorita tiegħu — whistleblower mistoħbija li qed tibża’ għal ħajjitha wara li l-ġurnalista li fdat fiha splodewha f’karozza bomba — u mxiet għall-ġurnalisti nfushom.

Għaliex, qed jistaqsi, ġurnalist ma jsibx problema jiddefendi ruħu f’kawża ta’ malafama f’Malta, imma jsib problema jagħmel l-istess f’qorti Amerikana? Fi kliem ieħor, għaliex nippruvaw inwaqqfu l-kawżi SLAPP jekk wieħed qed jgħid il-verità?

Ovvjament qed jilgħabha tal-iblah.  It-tweġiba għad-domanda tiegħu jafha tajjeb. Peress li jaħdem għal Joseph Muscat u Joseph Muscat hu favur it-theddid jew l-attivazzjoni tal-kawżi SLAPP — aqra l-blogg tiegħi aktar kmieni llum biex tara r-raġunijiet tiegħi għax nemmen li dan hu l-każ — Hansford jaf li dan ma jqiegħdu f’ebda riskju.

Imma n-nagħaġ li jċapċpulu fil-paġna tal-kummenti, li jifirħulu għall-filosfija tiegħu li ma treġix, apparentement ma jafux it-tweġiba għal dik id-domanda, u forsi, għall-benefiċċju preżunt tagħhom, għandha tiġi ripetuta.

Jekk xi ħadd jaħseb li għandu raġun u li ġurnalist mhux qed jgħid is-sewwa fuqhom, m’għandux għalfejn jagħmel kawża fl-Amerka.  Jista’ jagħmel kawża f’Malta.  Jagħmel kawża fl-Amerka preċiżament għax il-ġurnalist li jkun qiegħed fil-mira tal-kawża x’aktarx ikun qed jgħid is-sewwa fuqu.  Imma l-ebda organizzazzjoni tal-media f’Malta, aħseb u ara individwu, ma jista’ realistikament jiddefendi kawża fl-Amerka. Le, Brian Hansford, trid tagħmel iżjed milli tmur Arizona biex tixhed fil-każ tiegħek, u t-titjira weħidha wkoll tiġi tiswa aktar milli ġurnalist jaqla’ fi tliet xhur.

Biex tiddefendi ruħek f’ġuri, trid tagħmel bosta traġitti u trid issib fejn toqgħod fit-tul għal diversi xhur u snin li waħedhom jiswew ħafna aktar milli jaqla’ ġurnalist, u aktar minn dak li tista’ taffordja kwalunkwe organizzazzjoni tal-media, bl-eċċezzjoni ta’ dik li Brian Hansford jaħdem magħha – l-Istat.  Imma ħadd ma jista’ realistikament jiddefendi ruħu fl-Amerka. Ikollok tqabbad ditta tal-avukati mill-professjoni legali tal-Istat fejn il-kawża tkun saret.

Anke jekk ma tkunx qed tippjana li jkollok difiża b’saħħitha daqs ta’ dawk li jagħmlulek il-kawża, tkun qed tiffaċċja spejjeż legali ta’ xi 400 dollaru fis-siegħa li, jekk ma jkollokx credit fl-Amerka, tipikament jittieħdu minn depożitu ta’ flus li jrid isir minn qabel li jammota għal għexieren ta’ eluf ta’ dollari.

Anke taħseb fiha biss jaqbiżlek id-dmugħ. U kien hemm min ħaseb fiha.  Iffaċċjati b’dan il-prospett The Times, The Malta Independent u MaltaToday ilkoll ħassew li ma kellhomx għażla ħlief li jċedu għall-pressjoni u jiktbu l-istejjer tagħhom mill-ġdid b’mod li ma jirritax lil Pilatus Bank.  Ma jimpurtax jekk il-Bank hux fit-tajjeb jew le.  Ċertament il-gazzetti qatt ma aċċettaw li kienu fit-tajjeb jew fil-ħażin dwar dak kollu li kellhom jiktbu mill-ġdid.  Sempliċiment ma kellhomx il-mezzi biex jiddefendu ruħhom anke min theddida ta’ kawża, aħseb u ara minn waħda li diġà bdiet.

Lil dawk il-ġenji li qed iċapċpu għal-loġika ta’ Brian Hansford nista’ ngħidilhom din: Taħsbu li l-ġurnalist se jmur minn taħt? Taħsbu li jekk issikket ġurnalist b’dan it-theddid se tkun rebħa għalikom għax il-partit tagħkom u l-kap tagħkom jistgħu jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jiffaċċjaw kritika?

Ħadd ħliefek mhu se jmur minn taħt, għax qed jiċħdulek id-dritt li tinforma ruħek kif jixraqlek sabiex għada tkun tista’ tiddeċiedi jekk tkux trid tibqa’ tagħti l-appoġġ lill-partit tiegħek u l-kap tiegħek.

Ma jimpurtanix jekk ma tridx tisma’.  Inkellmek b’lingwa li tista’ tifhem. Jekk oħtok taf li r-raġel tiegħek qed jaqlibhielek u kien mar ma’ xi nisa oħra, mhux aħjar ġiet tgħidlek? Jekk ir-raġel tiegħek hedded lill-oħtok li jagħmlilha l-ħsara jekk tgħidlek il-verità, u oħtok iċċedi għal dik il-pressjoni għax tibża’ minn dak li jista’ jiġrilha, int taħseb li qabillek hekk?

Iċċapċapx lil Brian Hansford meta jargumenta li l-ġurnalisti f’Malta għandhom ikunu esposti għall-iSLAPPs fl-Istati Uniti bħallikieku din hi kwistjoni ta’ prinċipju.  Iċċapċapx lil Brian Hansford għax taħseb li ħajtek se tkun aħjar għax xi ħadd li ma jappoġġjax lill-partit tiegħek jiġi mhedded li jirvinawh finanzjarjament sempliċiment għax jaħsibha differenti minnek.  Iċċapċapx lil dawk li qed jiċħdulek id-dritt li tkun taf.

Jista’ jkun li ma tafx, imma jekk il-media ma tkunx ħielsa, int se tmur minn taħt.