Wasal sew iż-żmien li l-unions l-oħra jsemmgħu leħinhom dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet.

Il-MAM, il-union tat-tobba, illum ħarġet stqarrija (ara hawn taħt) biex tfakkar lil kulħadd kif opponiet, fil-biċċa l-kbira waħedha, iż-żarmar tas-servizz nazzjonali tas-saħħa tagħna mindu dak il-ġenju, Konrad Mizzi, ħolom b’din l-idea korrotta. U kif – ironika ħafna din – minħabba l-iskandli tal-korruzzjoni li ilhom jippersegwitaw lill-istess Konrad Mizzi minn dak iż-żmien, ma seta’ jsir ebda djalogu sinifikanti mal-gvern biex il-MAM tkun tista’ tispjega l-argumenti tagħha.

Għal xi żmien il-UĦM sostniet lill-MAM. Illum jidher li għandha prijoritajiet differenti.

Iżda l-MAM mhijiex l-unika union fis-servizz tas-saħħa. Fejn hi l-union tal-infermiera? Fejn huma l-unions tal-ispeċjalisti? Fejn huma l-istudenti tal-mediċina? U fejn hi l-UĦM, li tirrappreżenta lill-persunal amministrattiv?

U din mhijiex kwistjoni li tikkonċerna lill-ħaddiema tas-settur tas-saħħa biss. Is-settur tas-saħħa nazzjonali tagħna matul id-deċennji li għaddew assigura livell minimu ta’ kwalità tal-ħajja anke għall-ifqar nies. Huwa s-settur li fih il-klassi soċjali, l-età jew il-ħila ma jgħoddux, u li jħares il-ġustizzja soċjali fil-komunità tagħna. Kien hemm żmien meta l-kwalità kienet laħqet livelli tant għolja li Malta kienet klassifikata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fil-ħames l-aqwa post fid-dinja rigward l-aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa.

Biż-żarmar tas-servizz nazzjonali tas-saħħa u l-għoti tiegħu lil impriżi Amerikani predatorji kulħadd, ħlief l-impriżi Amerikani predatorji u dawk li għamlu qligħ minn dik it-tranżazzjoni, jispiċċa f’sitwazzjoni agħar minn qabel. Kull persuna f’saħħitha li qed taqra dan kollu xi darba se timrad. It-tfal tagħhom se jimirdu.

Għaliex qed inħallu lit-tobba jiġġieldu waħedhom? Għaliex qed nippermettu lil dan il-gvern jaħseb li dawn huma biss qabda tobba mill-kamp tal-PN li qed jagħmlu naqra storbju, u li jista’ jibqa’ għaddej bil-pjanijiet tiegħu?

Taċċettawx l-iskuża li din hija balbuljata ta’ Konrad Mizzi, li l-gvern ma jistax joħroġ minnha issa. Dan huwa dak li qed jipprova jgħid Chris Fearne meta jwiegħed lill-MAM li ħaġa bħal din mhijiex se terġa’ tiġri u li l-privatizzazzjonijiet se jieqfu wara li nkunu tajna l-uniku sptar ta’ Għawdex flimkien ma’ St Luke’s u Karin Grech.

Il-kwistjoni hi li din il-balbuljata tista’ titwaqqaf issa. It-trasferiment minn Vitals għal għand Steward huwa possibbli biss bil-kunsens espliċitu tal-gvern. Il-gvern għandu kull dritt, u frankament id-dmir, li ma jagħtix dak il-kunsens. Vitals ma rrispettatx il-kuntratt u l-gvern intitolat jieħu lura l-konċessjoni mingħandha, u mhux iħalliha tagħmel il-flus mill-għazla tas-suċċessuri tagħha.

Kull min iħoss li huwa dmiru li jipproteġi d-drittijiet baziċi taċ-ċittadini f’dan il-pajjiż għandu jkun qed jeżigi, tal-anqas bl-aktar mod ċar kif qed tagħmel il-MAM, li l-gvern ma jagħtix il-kunsens tiegħu.

Roddulna s-servizz nazzjonali tas-saħħa tagħna.