Hu f’idejn il-kapijiet tal-Partiti li jassenjaw oqsma ta’ responsabbiltà lill-grupp parlamentari tagħhom. Dan kollu hu speċi ta’ prova finali għall-eżerċizzju tal-prerogattiva tal-Prim Ministru li skont ir-regoli tagħna tagħtih id-diskrezzjoni kompleta li jaħtar jew ineħħi l-ministri tal-gvern, ovvjament filwaqt li hu stess jinżamm taħt id-diskrezzjoni li jinħatar jew jitneħħa mill-Partit tiegħu stess.

Il-kapijiet tal-Partiti għandhom saħħa kbira fuq dawk li jiġu immedjatament taħthom, imma fuqhom għandhom is-saħħa tal-partit sħiħ. Il-membri tal-partit qajla jkunu konxji tal-awtorità tagħhom u allura d-diskrezzjoni tal-kap tidher bħala infinita.

Ir-reshuffle hu proċess tat-terturi, u jekk xi ħadd jipprova jassenja l-inkarigi b’mod li kulħadd joħroġ sodisfatt, mela ma jkunx qed jagħmlu kif suppost.  Il-ministri u x-shadow ministers għandhom egos sensittivi u delikati, u faċilment jinqarsu fil-laħam il-ħaj jekk tnaqqsilhom jew jekk jaħsbu li qed tnaqqsilhom mill-importanza.

Minkejja li nikkondividi l-opinjonijiet u l-esperjenzi fit-tul ma’ nies li tnaqqsitilhom l-importanza bl-għażliet ta’ Adrian Delia l-Ħadd li għadda, ma naħsibx li analiżi b’rabta emozzjonali mal-ambizzjoni tal-karriera ta’ xi ħadd partikolari se tkun ta’ ġid.

Ovvjament din tinkludi dik tal-kap innifsu.

Il-kapijiet il-ġodda tal-partiti jkunu ħerqana li jasserixxu l-awtorità tagħhom. Ikunu ħerqana li jiżguraw il-koeżjoni tal-partit imma mhux askapitu tal-viżjoni politika tagħhom. Jippromwovu lil dawk li jappoġġjawha u jirrelegaw lil dawk li ma jagħmlux hekk.  Dan hu l-pass naturali tal-affarijiet kif jaħdmu.  Jekk il-formola tal-kap tikseb ir-riżultat it-tajjeb fl-elezzjoni, ir-riżultat jiġġustifika l-uġigħ li ġġarrab biex wieħed wasal fejn ried. Jekk ma jirnexxilux, il-kap irid jerfa’ r-responsabbiltà.

Madankollu, id-diskrezzjoni tal-kap tal-partit, filwaqt li nikkonċedi li hi kważi assoluta daqs kemm wieħed jista’ jimmaġina, minnha nnifisha mhijiex ‘il fuq mill-analiżi u l-kritika.

Adrian Delia ħa l-pass mhux tas-soltu li jżomm qasam fil-kompetenza tiegħu. Il-Prim Ministri jagħmluha din, rarament, meta jkunu jridu jwasslu l-messaġġ li qasam speċifiku ta’ interess, ikun tant kruċjali għall-programm politiku tagħhom, li ma jkunux iridu jiddelegawh lil xi ħadd ieħor.

Eddie Fenech Adami għal xi żmien żamm f’idejh l-affarijiet barranin meta kien hemm bżonn il-kariżma personali tiegħu biex jgħin lill-kapitali Ewropej jegħlbu l-istigma li Mintoff u KMB kienu għabbewna biha. Alfred Sant kien żamm it-tranżizzjoni lil hinn mill-VAT, fatt li ma waqqafx it-tiġrif tal-finanzi pubbliċi tagħna. Lawrence Gonzi kien żamm il-finanzi meta d-defiċit pubbliku endemiku kellu jitrażżan biex jiżgura li nkunu nistgħu niġu fl-istess linja mal-kriterji biex nissieħbu fiż-żona tal-ewro: probabbli l-aktar għadma amministrattiva iebsa li kellu dan il-pajjiż f’għexieren ta’ snin.

Dawk kienu Prim Ministri. Il-kapijiet tal-oppożizzjoni tradizzjonalment ma jżommux oqsma għalihom. Fil-lenti tagħhom ikun hemm dejjem il-Prim Ministru u kważi dejjem ikunu jridu juru l-istampa li mhux se jissagrifikaw id-dinjità tagħhom billi jiddibattu ma’ dawk li jiġu taħt il-Prim Ministru. Adrian Delia ma mexiex fuq dawn il-passi.

Il-fatt li Adrian Delia żamm il-portafoll tal-ġustizzja taħt ir-responsabbiltà diretta tiegħu jista’ jiġi interpretat, minn xi ottimist, bħala sinjal li dan il-qasam se jingħata prijorità. U dan ikun tabilħaqq sinjifikanti. Ikun tassew impressjonanti jekk f’dan il-qasam wieħed jirnexxilu jiżboq l-intensità tax-xogħol bla heda li Jason Azzopardi kien qed jagħmel matul dawn l-aħħar xhur, sal-ġurnata li din ir-responsabbiltà itteħditlu minn idejh.

Ir-rivelazzjonijiet dwar il-korruzzjoni matul dawn l-aħħar snin kixfu beraħ id-dgħufija lampanti tal-proċess tagħna tal-ġustizzja u l-impunità bħala konsegwenza ta’ dan. Il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia heżżet lis-soċjetà ċivili biex ġabet il-‘Ġustizzja’ fil-qalba tal-aġenda tagħha. Kieku ħalla lil Jason Azzopardi jiffoka fuq dan il-qasam ta’ politika, Adrian Delia kien jippermetti lill-PN, bil-limiti kollha tiegħu, ikollu xi forma ta’ preżenza fid-diskussjoni.

Bil-faħam miblul li għandu Adrian Delia u l-mod kif jarawh is-segwaċi ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-PN kellu jagħżel ¾ u hekk għamel ¾ li jibqa’ fil-ġenb matul l-aħħar 4 xhur.

Fi ħsiebu jibdilha dis-sitwazzjoni? Adrian Delia fi ħsiebu jingħaqad mal-‘occupy justice‘?

U x’tibdil għandu f’moħħu eżatt? Fi ħsiebu jintefa’ b’ruħu u ġismu u jieħu t-tmun fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni? Il-pożizzjoni tiegħu dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet ma kenitx waħda timida. Adrian Delia jħossu biżżejjed kunfidenti li issa, fil-pożizzjoni l-ġdida tiegħu, jista’ jitlaq jiġri u jilħaq is-soċjetà ċivili biex imexxiha minn quddiem?

Sa ċertu punt, it-tim tat-tmexxija matul dawn l-aħħar ġimgħat, qed jipproġetta attitudni li jħossu li għandu s-setgħa li jeżerċita l-awtorità tiegħu inerenti għall-kariga li jokkupa. Kulma jonqos hu li jasserixxiha. “Issa hawn qegħdin, tridu u ma tridux.” Dan id-diskors seta’ niżel tajjeb f’xi nħawi. Imma saħħaħ ukoll lil dawk li ma jridux jafu bih. Jien għadni nħoss li din il-kunfidenza assertiva mhijiex ġustifikata mill-ammont ta’ appoġġ li jgawdi l-PN u ma nistax nimmaġina kif il-kritiċi jistgħu jikkonvinċu ruħhom li jbiddlu fehmithom meta xi ħadd jiġi jagħmel l-arja magħhom.

 

Din bilfors kienet żelqa goffa tad-deputat kap Robert Arrigo li b’mod elokwenti tiddeskrivi l-kritika tat-tim ta’ tmexxija li hu jagħmel parti minnu bħala sintomu ta’ ‘dipressjoni u attakk nervuż’ u li l-kritiċi hemm bżonn li ‘jsibu xi ħaġa utli x’jagħmlu b’ħajjithom’. L-ewwel nett, jaqbdek il-bard meta tara kandidat għal Viċi Prim Ministru b’dawn l-ideat ta’ żmien żemżem dwar is-saħħa mentali. Forsi x-shadow minister dwar is-saħħa mentali Mario Galea, jista’ jfiehmu ftit fuqha din. Imma wkoll, bl-istess importanza, Robert Arrigo issa jidhirlu li kkonvinċa lil xi ħadd li seta’ kellu żball dwar il-kwalitajiet tiegħu jew tat-tim tiegħu biex imexxu l-partit u l-pajjiż?

Ħaġa bħal din mhix daqshekk rari. Hija wkoll ta’ livell ħafna aktar baxx li ħafna mill-votanti tal-PN draw jistennew mill-mexxejja tagħhom. U n-nies li qed jinkwetaw li l-partit mhux qed jippreżenta lill-aħjar tiegħu fuq quddiem u fiċ-ċentru, osservaw pereżempju t-tneħħija ta’ Claudio Grech mill-qasam tal-ekonomija u li dan is-suġġett tant kruċjali u strateġiku ngħata lil Kristy Debono.

Dawk li se joqogħdu jfittxu l-motivazzjoni dwar dak li nikteb se jiftakru u jfakkru li Claudo Grech u jien konna naħdmu fl-istess uffiċċju, imbagħad kien il-boss u l-mentor tiegħi għal kważi 10 snin sħaħ. Konna nidhru fil-vinjetti tal-MaltaToday bħala żewġt iklieb tal-għassa ma’ Austin Gatt.

Filwaqt li dan hu minnu, it-tneħħija ta’ Grech mill-qasam tal-ekonomija, kif qed naraha jien bħalissa, huwa żball oġġettiv. Meta jibdew jonqsu l-hekk imsejħa benefiċċji tal-politika ekonomika ta’ Joseph Muscat ¾ li m’għandhiex ħajja twila ¾ il-PN għandu jpoġġi l-politka dwar l-ekonomija fil-qalba tad-diskors politiku tiegħu. Hekk kif aktar u aktar nies jibdew jitqażżu bil-korruzzjoni u l-ħmieġ, jistgħu biss jikkunsidraw li jaqilbu l-vot tagħhom għall-PN jekk ikollhom fiduċja li taħt il-PN se jerġgħu jibdew imorru tajjeb.

Tista’ Kristy Debono tnissel dik il-fiduċja ta’ kompetenza esperta u profonda fil-politika ekonomika, ta’ esperjenza fis-settur pubbliku u privat, ta’ apprezzament akkademiku tas-suġġett u l-innovazzjonijiet li qed jixirfu madwar id-dinja, aħjar minn Claudio Grech?

Ovvjament il-paraguni huma odjużi. U dawn huma deċiżjonijiet li l-kap irid jieħu, u jrid jiffaċċja l-konsegwenzi tagħhom hu stess, anke hu u jagħmel il-paraguni odjużi u jagħmel dawk l-għażliet li jaħseb li huma fl-aħjar interess tal-partit. Jista’ jkun jaf xi ħaġa li ma nafhiex, imma jidher li f’din l-għażla tant strateġika, il-lealtà issuperat il-kompetenza u peress li hawn qed nitkellmu fuq il-politika ekonomika dan kien l-agħar post fejn kellu jilgħab logħba bħal din.