Stqarrija ta’ #Occupyjustice:

Fil-film Three Billboards Outside Ebbing, Missouri, li ġie nnominat għal diversi premji Oscar, omm imnikkta tfittex ġustizzja għall-assassinju ta’ bintha. Wara li jkunu għaddew ix-xhur u jibqgħu ma jinstabux dawk ħatja, l-omm tagħmel xi ħaġa mhux mistennija u ttellgħa tliet billboards f’awtostrada ewlenija u b’messaġġi diretti lejn il-Kummissarju tal-Pulizija li jgawdi mir-rispett tan-nies.

F’eżempju ta’ meta l-ħajja timita l-arti, il-grupp t’ativisti #OccupyJustice tellgħhu tliet billboards eżattament erbgha xhur wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dawn il-billboards ttellgħhu fi Triq Reġjonali u fil-Coast Road b’messaġġi iebsa u diretti lejn il-Prim Ministru.

“L-ispirazzjoni mill-film ġiet minħabba l-fatt illi l-Gvern preżenti m’għandu l-ebda rispett għas-saltna tad-dritt u sirna qisna qed ngħixu ġo film tal-mafja” qalet #OccupyJustice li hija mmexxja minn nisa.
It-tliet billboards – li jixbħu dawk fil-film għaliex huma ukoll jużaw sfond aħmar għall-kliem miktubin bl-iswed – fihom dawn il-messaġġi: “A JOURNALIST KILLED. NO JUSTICE.”; “A COUNTRY ROBBED. NO JUSTICE.”; “NO RESIGNATIONS. NO JUSTICE.”

“Il-koruzzjoni qed taħkem lil pajjiżna u m’hemm l-ebda ħjiel ta’ ġustizzja. l-Gvern m’hu qiegħed jagħmel xejn dwarha; minflok għaddejja festa minħabba kultura t’impunita’.”

Għaddew erba’ xhur u għadna ma nafux min ordna l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li kienet qed tikxef eżempji atrocji ta’korruzzjoni, qalu l-attivisti, li żiedu biex jgħidu illi ma kienux ser jistrieħu sakemm issir il-ġustizzja.

L-attivisti reġgħu saqsew x’kien l-interess tal-Prim Ministru illi jżomm lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri – li t-tnejn huma mplikati f’atti serji ta’ korruzzjoni – fil-karigi tagħhom. “Għaliex għadu ma keċċihomx? X’qed jistenna?”

#OccupyJustice qed teżiġi ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, u tal-Avukat Ġenerali, Dr Peter Grech. L-ebda wieħed minnhom għadu ma ħa r-riegni f’idejh, kif jitlob ir-rwol tagħhom, iżda minflok qed jiżfnu għad-daqqa tal-Gvern. Dan ifisser illi l-istituzzjonijiet ewlenin ta’ pajjiżna waqgħu fil-kontroll tal-Gvern.

#OccupyJustice huma ddeterminati li jiġġieldu għal dak li huwa korrett, għall-ġustizzja u għal soċjeta’ ġusta u ekwa.
Il-motto tagħhom hija: Din hija darna, dan hu pajjiżna, u aħna l-poplu tiegħu. Nippretendu aħjar, ħaqqna aħjar, neżiġu aħjar.