Fil-Parlament Edward Scicluna ħareġ jiddefendi d-deċiżjoni tal-MFSA li ma tissospendix il-liċenzja tal-Pilatus Bank. Fil-għerf bla tarf tiegħu, il-Profs bħal speċi xtaq jgħallimna li hemm differenza bejn Ali Sadr bħala Chairman u Direttur tal-Bank I l-bank bħala entità għalih..

Grazzi ħafna Profs.

Allura Ali Sadr tneħħa minn Direttur tal-Bank mill-MFSA. U l-Bank tħalla jinnegozja sabiex is-sidien tal-Bank jibqgħu jimpalaw il-profitti.

Grazzi ħafna Profs.

U issa nsiru nafu min hu s-sid tal-Pilatus bank minn ittra mibgħuta mis-CEO tal-Pilatus Bank Hamidreza Ghanbari. Ma stajniex insiru nafu min hu s-sid mingħajr l-għajnuna tiegħu għaliex isem dan is-sid jinsab mistur f’kumpanniji reġistrati f’Hong Kong.

Nirringrazzjaw lil Hamidreza Ghanbari talli qalilna dan is-sid min hu.

Irriżulta li s-sid – l-uniku sid – tal-Pilatus Bank huwa Ali Sadr stess.

Aqraw l-estratt minn paġna 7 ta’ ittra li Hamidreza Ghanbari kien bgħat lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li qed tinvestiga s-saltna tad-dritt f’Malta.

 

 

Allura l-gvern neħħa lil Ali Sadr minn direttur tal-Bank. Mossa li m’hi xejn ħlief logħba bil-bżallu għax lanqas li kieku jista’ jmexxi l-bank minn ċella f’ħabs federali Amerikan! Huwa ċar li ħallew lill-Bank ikompli jinnegozja biex Ali Sadr ma jitlef ebda sold mill-profitti tal-Bank. Għax Ali Sadr għadu sid il-Bank u l-Bank għadu liċenzjat biex jopera. Il-kummiedja għadha għaddejja.

X’inhi din il-ħeġġa kollha ta’ Edward Scicluna u tal-gvern biex jipproteġi l-interessi ta’ Ali Sadr anki fis-sitwazzjoni li issa dan sab ruħu fiha?

Tgħid hemm xi konnessjoni ma’ dak li nkixef fir-rapport midfun tal-FIAU dwar ir-rabtiet li Keith Schembri għandu mal-Pilatus Bank. Skond dan ir-rapport: “Il-FIAU ġiet infurmata li s-Sur Schembri wera’ interess personali fil-process tal-illiċenzjar tal-Pilatus Bank plc taħt l-Att dwar il-Banek”

Jista’ jgħidilna l-Profs Scicluna jekk is-Sur Schembri għadux b’interess personali li jara li l-Pilatus Bank jibqa’ bank liċenzjat?