Simon Busuttil u  David Casa, assistiti mill-avukat tagħhom Jason Azzopardi illum reġgħu marru l-Qorti biex jagħmlu x-xogħol li bil-liġi suppost tagħmlu l-Pulizija. Ma kixfu ebda sigriet jew m’għamlu ebda skoperta ġdida. Iżda dak li diġà xxandar kitbuh f’rikors tal-Qorti li jesponi l-gideb, il-kontradizzjonijiet u l-provi skjaċċanti ta’ twettiq ta’ delitti kriminali.

Dan li ġej huwa dak li sirna nafu sa issa:

  1. 1.3 miljun ewro ġew trasferiti f’17 Black.
  2. 17 Black hi kumpannija li ġiet reġistrata fid-Dubaj fl-2013 bħala ‘klijent mira’ biex minnha jiġu depożitati flejjes f’kumpanniji sigrieti tal-Panama li s-sidien tagħhom huma Keith Schembri u Konrad Mizzi.
  3. Schembri u Mizzi kienu ċaħdu l-eżistenza ta’ 17 Black meta Daphne Caruana Galizia żvelat din il-kumpannija 14 il-xahar ilu.
  4. Madankollu Nexia BT ikkonfermaw bil-miktub li 17 Black kienet se tgħaddi flejjes lill-kumpanniji ta’ Schembri u ta’ Mizzi.
  5. Il-FIAU kienet skopriet li kienu saru ħlasijiet ta’ ‘l fuq minn miljun ewro fil-kont bankarju ta’ 17 Black minn Mayor Trans, kumpannija reġistrata fis-Seychelles li sidha huwa ċittadin tal-Ażerbaiġan.
  6. Il-flejjes għaddew minn ABLV, bank reġistrat fil-Latvja, li ingħalaq mill-Bank Ċentrali Ewropew minħabba ħasil ta’ flus maħmuġin.
  7. Konrad Mizzi ried li jkun hu personalment li jiffirma l-kuntratt tal-LNG u l-FIAU riedet tkun taf għaliex kien wera’ din il-ħeġġa kollha.
  8. Fil-frattemp, il-FIAU skopriet li 17 Black kienet irċeviet 161,000 ewro mingħand Orion Engineering, kumpannija li sidha huwa Mario Pullicino, l-aġent lokali tat-tanker LNG li jinsab fil-bajja ta’ Marsaxlokk.
  9. Konrad Mizzi għamel numru ta’ vjaġġi bil-moħbi lejn id-Dubaj. Ftit ġranet qabel wieħed minn dawn il-vjaġġi, tan-Nexia BT ħejjewlu d-dokuumenti li kienu meħtieġa biex ikun jista’ jiftaħ kont bankarju hemmhekk.
  10. Il-Pulizija injorat ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-FIAU li kkonkludew li kien hemm biżżejjed provi li jiġġustifikaw suspetti ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin.
  11. Il-FIAU irriżultalha wkoll li Schembri u Mizzi kienu qed jistennew li mill-kumpanniji tagħhom tal-Panama għandhom jiġġeneraw madwar 2 miljun dollaru fis-sena fi flejjes trasferiti f’kont bankarju fil-Baħamas minn 17 Black u Macbridge, kumpannija oħra reġistrata fid-Dubaj.
  12. Biex ġie rranġat dan kollu, Mossack Fonseca tħallset madwar 9,000 dollaru Amerikan.
  13. Tan-Nexia BT lil Mossack Fonseca qalulhom li Mizzi u Schembri kienu qed jistennew li jkollhom dħul ta’ 150,000 ewro fix-xahar, ammont li hu bil-wisq akbar minn dak li jirċievu – suppost b’mod esklużiv – fil-kapaċitajiet uffiċjali tagħhom.
  14. Minkejja li għall-ewwel kien ċaħad, Keith Schembri issa kellu jammetti li 17 Black fil-fatt teżisti u li din il-kumpannija kellha tagħmel ħlasijiet lill-grupp tiegħu.
  15. Provi juru li, hu u jwieġeb mistoqsija ta’ Simon Busuttil, Konrad Mizzi kien gideb lill-Parlament meta ċaħad li kellu xi rabtiet ma’ 17 Black hekk kif dikjarazzjonijiet li ġew imxandra juru eżatt bil-maqlub.
  16. Issa nafu wkoll li Karl Cini ta’ Nexia BT ripetutament ħeba’ informazzjoni mill-investigaturi dwar il-ħasil ta’ flus maħmuġin u żvijahom b’dikjarazzjonijiet foloz.

Dawn huma fatti li huma msejsa fuq provi dokumentati.

Joseph Muscat ma jridx ikeċċihom.

It-tlieta li huma għandhom idabbru rashom.